'Riskju li r-Russja twaqqaf ħesrem il-provvista tal-gass'; L-UE tħeġġeġ lill-pajjiżi jnaqqsu l-konsum bi 15%

Il-President tal-Kummissjoni Ewropea, Ursola von der Leyen akkużat lir-Russja li qed tuża l-gass bħala arma

L-Unjoni Ewropea qed tiffaċċja r-riskju li r-Russja twaqqaf ħesrem il-provvista tal-gass tagħha. Qalet dan il-President tal-Kummissjoni Ewropea, Ursola von der Leyen waqt li akkużat lir-Russja li qed tuża l-gass bħala arma.

Hekk kif madwar nofs il-pajjiżi membri tal-Unjoni Ewropea qed ikunu affettwati bin-nuqqas ta’ provvista tal-gass, l-Unjoni Ewropea qed tappella biex l-istati membri jnaqqsu b’mod volontarju l-konsum tal-gass.

Von der Leyen qalet li l-pajjiżi għandhom jippreparaw lilhom infushom għal din l-eventwalità u kien għalhekk li l-Kummissjoni Ewropea pproponiet għodda leġislativa ġdida u anke dik li qed tissejjaħ European Gas Demand Reduction Plan, biex sar-rebbiegħa li ġejja l-pajjiżi jnaqqsu l-konsum tal-gass bi 15%.

Il-Kummissjoni Ewropea li l-pajjiżi kollha jaħdmu biex jilħqu din il-mira bejn l-1 ta’ Awwissu 2022 u l-31 ta’ Marzu 2023.

“Naf li qed nitolbu xi ħaġa kbira imma hija essenzjali biex nipproteġu lilna nfusna,” qalet Von der Leyen.

Madanakollu mhux qed ikun eskluż li eventwalment, minn volontarju, dan ir-regolament isir wieħed manadatorju jekk ikun hemm nuqqas drastiku fil-provvista u domanda kbira.

Il-provvista tal-gass mir-Russja lejn il-pajjiżi Baltiċi, il-Polonja, il-Bulgarja u l-Fillandja waqaf kompletament filwaqt li naqset il-provvista lejn il-Ġermanja, id-Danimarka, l-Olanda u l-Italja.

Permezz ta’ dan il-pjan, il-Kummissjoni Ewropea qed timmira li tirkupra tnaqqis ta’ bejn 30 u 40 biljun metru kubu ta’ gass.

“Dan iwassalna b’mod sigur sax-xitwa. Aktar ma naġixxu malajr, aktar insalvaw u aktar ikollna sigurtà,” kompliet von der Leyen.

“Hemm bżonn ikollna d-dwal fil-binjiet u l-uffiċini meta mhux użati? Hemm bżonn l-air conditioners nagħmluhom 20 grad? Iva veru li se tonqsilna ftit il-kumdità imma nistgħu nnaqqsu ħafna mill-konsum tagħna. Xejn mhu se jkun faċli, imma jekk naġixxu issa, nistgħu nibqgħu sidien tad-destin tagħna. Jekk innaqqsu ftit mill-kumdità tagħna llum, nevitaw kriżi kbira fix-xitwa,” insista min-naħa tiegħu il-Viċi President u l-Kummissarju Ewropew għat-Tibdil fil-Klima Frans Timmermans.

More in Politika