Is-saltna tad-dritt u l-ġudizzju tal-Kummissjoni Ewropea: Fejn ipprogressajna u fejn għadna lura

Din il-ġimgħa l-Kummissjoni Ewropea tat il-ġudizzju tagħha lejn is-saltna tad-dritt fil-pajjiżi kollha tal-UE. Fuq Malta x'qalet? Kollox ħażin? Kollox tajjeb? Ħarsa lejn ir-rapport juri li hemm fejn sar progress notevoli iżda għad hemm problemi u realtajiet li dwarhom ftit li xejn li sar...

 

Din il-ġimgħa il-Kummissjoni Ewropea ħarġet rapport estensiv dwar l-istat tad-dritt u l-governanza f'pajjiżna li ħares lejn tliet aspetti differenti u kruċjali biex Malta u kwalunkwe pajjiż ikollu demokrazija b'saħħitha: Il-Ġustizzja, il-korruzzjoni u l-ġlieda kontriha u l-istat tal-midja f'pajjiż.  

Il-gazzetta ILLUM tat ħarsa qasira lejn ftit mill-aspetti ta' dan ir-rapport fejn il-Gvern ġie mfaħħar għax-xogħol u l-progress li għamel u aspetti oħrajn, fejn il-Gvern ġie kkritikat għan-nuqqas ta' azzjoni jew inkella azzjoni li mhux spedita biżżejjed.  

Il-Ġustizzja: It-tul eseġerat li jieħu każ, l-akbar uġigħ ta' ras! Imma hemm pożittiv ukoll... 

Kif diġà nnutat minn Kumitat tal-Parlament Ewropew li kien Malta sabiex jevalwa l-istat tad-dritt, l-akbar jew waħda mill-akbar problemi fil-ġustizzja huwa ż-żmien li tieħu kawża biex tinqata', tant li l-Kummissjoni tgħid illi minħabba dan id-dewmien, "is-sistema tal-ġustizzja qed tkompli tiddeterjora." Wara kollox, kif tgħid l-espressjoni bl-Ingliż: Justice Delayed is Justice Denied! U jidher li hawnhekk huwa proprju dan li qed jiġri.  

Fil-fatt il-Kummissjoni tfakkar li skont il-Justice Scoreboard 2020 it-tul ta' kawżi ċivili u kummerċjali żdied aktar għal 550 jum, jiġifieri sena u nofs. Xejra li r-rapport ifakkar illi ilha tiżdied mill-2017. Il-proċeduri tal-Appell kienu aktar, bi 838 jum fl-2020, jiġifieri aktar minn sentejn. It-tul medju ta' każi ta' ħasil ta' flus baqgħu għoljin ħafna fl-2020, jiġifieri aktar minn 1,310 ġranet jew inkella ftit iktar minn tliet snin u nofs. Il-clearance rate - u allura kemm jinqatgħu kawżi fiċ-ċivil, kummerċjali u amministrattiv baqgħet dejjem taħt il-100%.  

Negattiv ieħor hija t-teknoloġija, bil-Kummissjoni tinnota li pajjiżna għadu lura f'diversi oqsma bħat-teknoloġija diġitali, għodda ta' komunikazzjoni elettronika u għodda elettroniċi f'kawżi kriminali.   

U finalment fuq nota mhux daqstant pożittiva l-Kummissjoni esprimiet tħassib dwar in-nuqqas ta' imħallfin u maġistrati fil-pajjiż meta kkumparat mal-UE. Fil-fatt tgħid li n-numru ta' membri tal-ġudikatura f'Malta, ras għal ras, huwa wieħed mill-aktar baxxi fl-UE. Il-Kummissjoni tikkwota lill-Assoċjazzjoni tal-Imħallfin u l-Maġistrati Maltin li qajmet tħassib mhux biss dwar dan, iżda wkoll dwar nuqqas "serju" ta' ħaddiema (segretarji...) fil-Qrati.  

Imma mhux kollox negattiv u ħażin!  

Fil-fatt il-Kummissjoni innutat wkoll ħidma mill-Gvern f'diversi oqsma tal-ġustizzja. L-ewwelnett li l-Maltin għadhom fil-maġġoranza kbira tagħhom jafdaw lill-qrati bħala indipendenti. Il-Kummissjoni tikkwota statistika tal-UE Justice Scoreboard li turi kif 67% tal-poplu u 68% tal-kumpaniji jaraw illi l-livell tal-indipendenza tal-Qrati Maltin huwa tajjeb  jew tajjeb ħafna. Din hija xejra li ssaħħet.  

Il-Kummissjoni Ewropea qalet illi huwa pożittiv wkoll li t-trasferiment ta' ċerti tipi ta'  prosekuzzjonijiet mill-Pulizija għall-Avukat Ġenerali kompla jipprogressa u jinsab fit-tieni fażi, filwaqt li l-Gvern ħabbar li se jsir tibdil fl-indipendenza tal-membri tat-tribunali, hekk kif ħafna minn dawn huma maħturin mill-Gvern. 

Dwar it-teknoloġija u n-nuqqas tagħha - kif diġà semmejna - ir-rapport jinnota li l-Gvern ħabbar l-Istrateġija Diġitali tal-Ġustizzja f'Diċembru li għadda biex ikun imħabbar qafas li miegħu jimxu l-inizzjattivi diġitali kollha fil-qasam. Minkejja dan, jidher li għad irid ikun hemm pjan ta' azzjoni - jiġifieri x-xogħol, skont il-Kummissjoni, għad fadallu biex ikun lest.  

Il-Kummissjoni tfaħħar it-titjib fl-aċċessibilità għall-avukat tal-għajnuna legali, hekk kif żdiedu dawk eliġibbli, minn dawk bi qligħ ta' €7,000 jew inqas għal dawk bi qligħ ta' €13,000. Semmiet ukoll il-fatt li l-Gvern esprima l-intenzjoni tiegħu li s-segretarji fil-Qrati jiżdiedu b'madwar 28%.  

Il-Kummissjoni faħħret ukoll it-twaqqif tat-tielet Qorti tal-Appell li wasslet biex naqsu dawk li kienu qed jistennew kawża tinqata'.  

Finalment il-Kummissjoni weriet ċerta dubji - li ntwerew minn diversi kmamar tal-aħbarijiet ukoll - dwar tneħħija ta' ċerti sentenzi online li jingħataw mill-Qorti, ir-raġuni għaliex jitneħħew u min għandu r-responsabilità li jneħħi tali sentenzi (il-fatt li din il-persuna tinħatar mill-Gvern). Ikkritikat ukoll il-fatt li għadu ma kienx hemm qbil dwar kif jinħatar il-Prim Imħallef. 

Korruzzjoni: Passi fid-direzzjoni t-tajba iżda l-iskema tal-passporti għadha qed tinkwieta lill-UE 

Fuq il-korruzzjoni smajna ħafna u fuq qafas li jiġġieled il-korruzzjoni f'Malta dan ir-rapport isemmi ħafna wkoll. Tajjeb u anke ħażin.  

Nibdew bil-passi pożittivi. Il-Kummissjoni Ewropea tgħid illi l-Gvern adotta l-Istrateġija kontra l-frodi u l-korruzzjoni bil-għan li jkun hemm strateġija ta' komunikazzjoni, li tkun immassimizzata l-kooperazzjoni pubblika u anke dik fuq livell ewropew. Tfaħħar ukoll iż-żieda fir-riżorsi fl-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali u fid-Dipartiment tar-Reati Finanzjarji, fejn tfakkar li ġew trattati 32 każ ta' investigazzjoni b'14 ikunu konklużi.  

Il-Kummissjoni tfaħħar it-tiġdid tar-regoli ta' integrità  - inkluż fil-Korp tal-Pulizija - u tfakkar li fl-2021 instabu 89 każ ta' kondotta ħażina fiċ-Ċivil bi 15-il każ jispiċċa bil-persuna titlef xogħolha, tiġi sospiża jew inkella taqla' twissija.  

Tinnota wkoll ir-regolament il-ġdid li jitratta l-Whistleblowers - persuni li jitolbu protezzjoni biex jikxfu korruzzjoni jew prattiċi ħżiena f'entità pubblika u politika.  

Iżda tħassib mill-Kummissjoni  - ftit minnu serju - hemm ukoll, l-aktar fuq l-iskema tal-bejgħ tal-passaporti. Il-Kummissjoni fil-fatt ilha turi riżervi dwar skemi bħal dawn li bħalha hemm f'żewġ pajjiżi oħrajn, iżda li fil-fatt diġa ddeċidew li jwaqqfuhom (Ċipru u Bulgarija). Il-Kummissjoni saħansitra bdiet l-ewwel proċeduri kontra Malta fuq din l-iskema.  

Imma għaliex? X'inhi l-problema eżattament? 

Il-problema tal-Kummissjoni Ewropea hija li skemi bħal dawn l-ewwelnett mhumiex qed ibiegħu ċittadinanza Maltija, imma realment ċittadinanza Ewropea. U t-tieni u l-akbar problema hija li skemi simili jiftħu l-bibien għal riskji - inkluż ta' korruzzjoni. Tant hemm skumdità b'din l-iskema li meta bdiet il-gwerra kontra l-Ukrajna kienet saret pressjoni biex iċ-ċittadinanza ma tibqax tinbigħ lil ċittadini Russi u mill-Belarussja, minħabba biża' li Putin jista' juża skemi simili biex jinfiltra fl-Unjoni Ewropea b'oligarki u interessi Russi pro-Putin.  

Il-Kummissjoni ikkritikat ukoll il-fatt li ir-rakkomandazzjoni dwar Persons of Trust - kemm tal-Greco kif ukoll tal-Kummissarju tal-Istandards - baqgħet mhux imwettqa. Din titratta l-imġieba u l-kondotta ta' persons of trust li sal-lum għadhom jintgħażlu direttament minn politiku mingħajr bażi meritokratika jew b'linji gwida. Issemmi l-fatt li għadhom la nħatru Ombudsman u lanqas imtela' post George Hyzler għal Kummissarju ġdid tal-Istandards, filwaqt li tgħid ukoll li l-Kummissjoni Permanenti kontra l-Korruzzjoni għandha wisq riżorsi limitati u ma weriet ebda riżultati tanġibbli.  

Fuq dan l-aħħar punt iżda l-Kummissjoni tinnota li sar pjan ta' kif din il-Kummissjoni, li fl-2021 ressqet biss żewġ każi fejn kien hemm biżżejjed evidenza biex jitressqu l-Qorti, tista' tibda tkun aktar effettiva.  

Bħal ma qalet fil-każ tal-Ġustizzja, il-Kummissjoni tinnota kif hemm problemi oħrajn fil-qasam tal-ġlieda kontra l-korruzzjoni, primarjament it-tul li tieħu investigazzjoni mill-pulizija bil-konsegwenza li xhieda u evidenza tista' "tiddeterjora biż-żmien, bil-konsegwenza li l-kors tal-ġustizzja jkun mxekkel."  

Il-Kummissjoni tfakkar illi l-perċezzjoni tal-korruzzjoni fiċ-ċivil u fil-politika għadu għoli hekk kif 79% tal-Maltin jemmnu li l-korruzzjoni hija rampanti fil-pajjiż, meta l-medja ewropea hija ta' 68%, 11% inqas. 34% tal-Maltin qalu li jħossu illi l-korruzzjoni qed taffetwahom personalment, filwaqt li dan il-persentaġġ jinżel għal 24% f'termini ta' medja ewropea.  

U finalment dwar l-inkjesta pubblika fil-qtil ta' Daphne Caruana Galizia l-Kummissjoni tinnota li apparti l-Kumitat tal-Midja, "ma kien hemm ebda azzjonijiet speċifiċi għall-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet tal-inkjesta pubblika."  

Tajjeb: Twaqqif tal-Kumitat dwar il-Midja. Ħażin: Sehem wisq kbir tal-Gvern fix-xandir 

U finalment il-Kummissjoni Ewropea tat ħarsa lejn is-sitwazzjoni tal-ġurnaliżmu u l-midja in ġenerali f'pajjiżna.  

Nibdew bit-tajjeb jew għallinqas fejn il-Kummissjoni tara li sar progress. 

Il-Kummissjoni tinnota l-fatt li l-Gvern waqqaf Kumitat ta' Esperti dwar il-Midja li se jkun qed iressaq proposti relatati ma' leġiżlazzjoni Anti-SLAPP, emendi għall-Att dwar il-Midja li jitrattaw it-twaqqif ta' każi meta l-ġurnalist ma jkunx għadu ħaj sal-mument tal-ħlas mid-difiża u anke kif il-ġurnaliżmu, il-pluraliżmu fil-midja u l-libertà tal-espressjoni jkunu mnaqqxin fil-Kostituzzjoni.  

Minn naħa l-oħra iżda l-Kumissjoni kellha riżervi qawwija fuq l-Awtorità tax-Xandir (BA) u x-Xandir Nazzjonali. Fl-ewwel każ hija qalet illi l-fatt illi l-membri kollha tal-bord tal-BA huma maħturin mill-Gvern hija "problematika". Il-Kummissjoni tgħid ukoll li l-kunċett ta' imparzjalità - fejn l-istazzjon tal-PN sempliċiment jibbilanċja lil tal-PL u viċi versa - huwa ħażin. Fi kliem ieħor l-istazzjonijiet jistgħu prattikament jgħidu li jridu jew jieħdu kliem barra l-kuntest, fl-għarfien illi dan jista' jsir għaliex l-istazzjon tal-partit l-ieħor qed jibbilanċja billi effettivament jagħmel l-istess. Dwar ix-xandir tal-istat il-Kummissjoni tgħid li dan jiddependi wisq mill-Gvern - kemm mill-aspett ta' fondi kif ukoll mill-aspett ta' governanza hekk kif il-Bord tad-Diretturi huwa nominat b'mod assolut mill-Gvern.  

Il-Kummissjoni uriet ukoll tħassib fuq il-kwistjoni tas-sidien tal-kumpaniji tal-midja u sfidi li qed jiffaċċjaw ġurnalisti wara inċidenti ta' spoofing kif ukoll theddid legali. 

More in Politika