Valletta FC fost dawk b'riservi dwar il-kariga ta' Muscat fit-tmexxija tal-MPFCA... se jitlaqqa' l-Kumitat biex jiddiskuti

L-eks Prim Ministru u eks Mexxej Laburista Joseph Muscat kien magħżul mill-Malta Professional Football Clubs Association biex imexxi lil din l-istess assoċjazzjoni

L-eks Prim Ministru u eks Mexxej Laburista Joseph Muscat kien magħżul mill-Malta Professional Football Clubs Association biex imexxi lil din l-istess assoċjazzjoni li kienet iffurmata s-sena l-oħra bil-għan li tirrapreżenta lil dawn il-clubs. L-assoċjazzjoni hija awtonoma mill-MFA u fiha hemm 14-il club tal-futbol, li huma meqjusin bħala l-akbar fil-pajjiż. 

Fost il-clubs membri hemm Balzan FC, Birkirkara FC, Gudja United, Santa Luċija FC, Sirens FC u l-Hibernians. 

Il-membri ltaqgħu lbieraħ biex jiddiskutu l-ħatra ta' Muscat wara illi Robert Micallef - President ta' Santa Luċija FC - irriżenja mill-kariga. 

Madwar żewġ terzi tal-clubs tal-futbol kienu favur, bil-clubs l-oħrajn jopponu minħabba l-kontroversji li Muscat daħal fihom meta kien fil-politika. Fost dawk li ma qablux kien hemm Valletta FC, li ddeċidew illi jitlaqqa' l-Kumitat tal-istess club tal-futbol sabiex tittieħed deċiżjoni dwar din il-ħatra. Dan apparti li sorsi qalu lil dan is-sit illi rappreżentant ta' Valletta FC staqsa jekk forsi hemmx kandidati oħrajn li jistgħu jkunu idonei għal din il-kariga. 

 Dawk li kienu favur qalu illi Muscat jista' jeleva l-profil tal-assoċjazzjoni minħabba l-kuntatti tiegħu. 

Il-membri tal-MPFCA qalu li jridu jimxu 'l bogħod minn xi ħadd li jmexxi li jkun President ta' club lokali u minflok xtaqu jappuntaw xi ħadd "minn barra." 

 

More in Politika