L-ambjent, inqas taxxi, il-kredibbilità u l-kwalità tal-ħajja; Il-President jelenka l-prijoritajiet tal-Gvern

Id-Diskors tal-President fil-bidu tal-14-il leġislatura elenka dak li l-Gvern se jkun qed iwettaq u wiegħed bidliet kuraġġużi f'oqsma differenti

Il-President George Vella waqt id-diskors fil-Parlament
Il-President George Vella waqt id-diskors fil-Parlament

L-ambjent, inqas taxxi, il-governanza, il-kwalità tal-ħajja u Għawdex kienu t-temi ewlenin tad-diskors tal-President ta’ Malta George Vella fil-ftuħ tal-Parlament għall-erbatax-il leġislatura tiegħu. Dan id-diskors, tradizzjonalment, ma jinkitibx mill-President imma jkun ippreparat mill-Gvern u jkun jelenka l-prijoritajiet tiegħu għall-ħames snin li ġejjin.

“Jidher b’mod ċar li l-poplu Malti u Għawdxi għadu u jrid jibqa’ ottimist. Jemmen fil-futur sabiħ ta’ dan il-pajjiż u mhu se jħalli xejn li jaqtagħlu qalbu,” kienu l-ewwel kelmiet tal-President tul dan id-diskors b’referenza għall-mumenti diffiċli li l-pajjiż għadda minnhom minħabba l-pandemija.

Minkejja dan u anke minkejja l-Gwerra fl-Ukrajna li d-diskors għamel referenza għaliha mill-bidu nett, il-President fakkar li l-pajjiż għandu ekonomija li qed tirkupra b’mod saħħtu. 

“Kif għamel tul il-pandemija, il-Gvern se jassigura li jkun ta’ spalla għan-nies u għan-negozji. Huwa fl-iktar mumenti diffiċli li l-iktar irridu nkunu man-nies,” kompla d-diskors.

Prijotità ewlenija: Tnaqqis fit-taxxa tad-dħul

Hawn il-President beda jelenka l-prijoritajiet tal-Gvern, bl-ewwel waħda li tissemma tkun dik li tonqos it-taxxa fuq id-dħul. Il-President fakkar li l-Gvern wiegħed li jtejjeb iċ-ċekkijiet tar-rifużjoni u anke jonqos l-ammont ta’ dħul li titħallas taxxa fuqu.

“Dawn iridu jkunu bidliet li jagħmlu l-aktar differenza għal dawk li jaqilgħu l-inqas,” kompla jaqra l-President. 

Il-Prim Ministru Robert Abela waqt id-Diskors tal-President
Il-Prim Ministru Robert Abela waqt id-Diskors tal-President

Id-diskors insista li n-negozji se jilgħabu parti imporanti biex titjieb il-kwalità tal-ħajja u għalhekk il-Gvern fakkar fil-wiegħda tiegħu li jnaqqas it-taxxa lin-negozji biex l-operat tagħhom ikun aktar sostenibbli, joħolqu aktar xogħol u jkunu jistgħu jwettqu aktar investiment fir-riċerka u l-innovazzjoni.

“Fl-inizjattivi diversi li se jittieħdu biex niġġeneraw iktar attività ekonomika, se naraw li l-inċentivi li jingħataw lin-negozji Għawdxin ikunu 10% ogħla,” kompla d-diskors.

‘Inkomplu nsaħħu l-kredibbilità tal-pajjiż’

Kien hawn li d-diskors iffoka fuq il-kredibbilità tal-pajjiż u wiegħed l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet kollha tal-Financial Action Task Force.

“Irridu nkomplu nsaħħu l-kredibbiltà ta’ pajjiżna anke biex intejbu l-irwol importanti li għandna fil-fora internazzjonali, fejn irridu nipparteċipaw b’mod proattiv anke billi nisfruttaw il-potenzjal strateġiku li għandna bħala gżira f’nofs il-Mediterran,” kompla l-President. 

Hemm bżonn inkunu innovattivi meta niġu biex ikollna spazji pubbliċi u miftuħa ġodda f’żoni urbani ... Din trid tkun l-iktar amministrazzjoni li tinvesti għal dan il-għan

Filwaqt li d-diskors elenka riformi li l-Gvern diġà għamel, insista li hemm riformi oħra li jridu jsiru biex is-Saltna tad-Dritt tkompli tissaħħaħ.

“Saltna tad-dritt li issa trid tara r-riformi meħtieġa biex ikollna proċessi ta’ ġustizzja iktar moderni u fl-iqsar żmien possibbli. Għax l-amministrazzjoni ta’ ġustizzja effettiva għandha tkun prinċipju mill-iktar bażiku fid-dinja tal-lum. Żidna u se nibqgħu nżidu r-riformi, iżda bħal f’setturi oħra rridu li s-sistema tal-ġustizzja u min iħaddimha jkunu orjentati wkoll b’mod li jifhmu aktar ir-realtajiet ta’ dawk li jkollhom quddiemhom. Il-ġustizzja hi għamja, imma trid tkun sensibbli u sensittiva għar-realtajiet soċjali li qed jiżviluppaw,” kompla l-President.

Kwalità tal-ħajja: Min-numri għal indikaturi aktar reali

Id-diskors għadda biex jitkellem dwar il-kwalità tal-ħajja, bil-President jispjega kif il-Gvern se jkun qed jiffoka d-diskussjoni politika tiegħu fuq il-kwalità tal-ħajja taċ-ċittadini Maltin u Għawdxin u dawk kollha li jgħixu fil-gżejjer tagħna. 

Il-Prim Ministru Emeriti Lawrence Gonzi u Joseph Muscat fil-Ftuħ tal-Parlament
Il-Prim Ministru Emeriti Lawrence Gonzi u Joseph Muscat fil-Ftuħ tal-Parlament

Saħaq li għalhekk wasal iż-żmien, li minbarra li l-Gvern jitkellem fuq statistika u numri, ikollu wkoll indikaturi dwar il-kwalità tal-ħajja tan-nies u li dan il-kejl ikun konsiderazzjoni ewlenija oħra f’kull proġett jew inizjattiva tal-amministrazzjoni pubblika u l-Gvern. 

Il-kwalità tal-ħajja hija s-saħħa tagħna, kemm fiżika u anke dik mentali, l-ambjent li ngħixu fih, il-kundizzjonijiet fuq il-post tax-xogħol tagħna, il-ħin ta’ kwalità li jibqgħalna mal-familja, id-djar tagħna, il-komunitajiet fejn ngħixu, is-sigurtà u, fuq kollox, kemm qed ngħixu ħajja trankwilla u fil-paċi. 

Ambjent: ‘Din trid tkun l-iktar amministrazzjoni li tinvesti fl-ambjent’

Punt prinċipali tad-diskors tal-President kien l-ambjent u l-ħarsien tiegħu, b’Vella jisħaq li l-ambjent se jkun oġġettiv prinċipali fil-ħidma ta’ din l-amministrazzjoni.

Kif wiegħed tul il-kampanja elettorali, il-Gvern qed jinsisti li wasal iż-żmien li bħalma l-amministrazzjonijiet preċedenti taw prijorità lill-infrastuttura tal-pajjiż, l-istess prijorità tingħata issa lill-proġetti ambjentali.

“Hemm bżonn inkunu innovattivi meta niġu biex ikollna spazji pubbliċi u miftuħa ġodda f’żoni urbani – u nippjanaw aktar bi ħsieb sabiex nissalvagwardjaw il-karatteristiki uniċi tal-irħula u l-ibliet tagħna – parti importanti mill-identità tagħna u l-wiċċ tan-nazzjon tagħna. Din trid tkun l-iktar amministrazzjoni li tinvesti għal dan il-għan. Għalhekk se jkunu allokati 700 miljun ewro għal dawn il-proġetti,” kompla d-diskors tal-President.

Semma, fost oħrajn, l-inizjattivi biex jissaħħaħ it-trasport alternattiv, il-qalba għall-karozzi elettriċi u anke l-immaniġġjar aħjar tal-iskart.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech waqt id-Diskors tal-President
Il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech waqt id-Diskors tal-President

“Il-Gvern se jkun hemm biex isostni dawn il-bidliet. Imma se jkollna bżonn bidla fil-kultura tagħna wkoll. Irridu nifhmu li jekk verament għandna għal qalbna lil uliedna, issa wasal iż-żmien li nieħdu azzjoni deċiżiva favur l-ambjent. Mhux biss nistennew lil ħaddieħor jieħu d-deċiżjonijiet għalina, iżda din il-prijorità ġdida nirriflettuha fid-deċiżjonijiet li nieħdu ta’ kuljum bħala ċittadini, minn dawk żgħar sa dawk kbar. Il-Gvern se jibqa’ jkun hemm biex jinċentiva l-għażliet favur l-ambjent,” kompla l-President George Vella.

Anke hawn, il-Gvern irid li Għawdex ikun prijorità u filwaqt li jieħu parti sostanzjali mill-Fondi Ewropej li kisbet Malta, ikun l-ewwel li jsir carbon-neutral filwaqt li l-ekonomija tiegħu tibqa’ tikber aktar minn dik ta’ Malta. 

Tfal u ġenituri ... IVF prijorità

Id-diskors tkellem ukoll dwar it-tfal, il-ħarsien tagħhom u anke l-appoġġ lill-familji. Il-President fakkar fil-wiegħda tal-Gvern li joħloq garanzija biex ikunu milħuqa t-tfal kollha kemm jista’ jkun kmieni. Saħaq li dak li t-tfal ma jiksbux fl-ewwel snin tal-edukazzjoni – l-edukazzjoni primarja – se jkun aktar diffiċli għalihom biex jikkumpensaw għalih fis-snin ta’ wara u fl-iskola sekondarja. 

“Garanzija biex it-tfal kollha, hu x’inhu d-dħul tal-familja tagħhom, ikollhom aċċess għall-attivitajiet ekstrakurrikulari– bħall-arti, l-isport u l-kultura – li tant jgħinu fl-iżvilupp tat-tfal, iżommuhom f’saħħithom, ibegħduhom mill-vizzji u jsaħħu fihom il-valuri li jsawru lil din is-soċjetà,” kompla l-President.

Se jkollok min jgħid li wara pandemija ma nifilħux inwettqu dawn il-bidliet kollha. Li waqt gwerra ma nistgħux inwettqu d-dekarbonizzazzjoni tal-ekonomija. Imma dan żgur mhuwiex il-mument li nipposponu riformi u bidliet

L-istess fejn jidħlu l-ġenituri, bil-President Vella jispjega kif il-Gvern se jkun qed jassigura li dawn, li ħafna minnhom jaħdmu, ikollhom kundizzjonijiet tax-xogħol li jippermettulhom jingħaqdu ma’ uliedhom f’mumenti sinifikanti u delikati. 

Għalhekk, id-diskors fakkar fil-wiegħda li jiżdied il-leave tal-paternità minn jumejn għal għaxar ijiem. Dan ikun jgħodd ukoll f’każ ta’ addozzjoni. Fakkar fl-introduzzjoni tal- carers leave biex f’każ ta’ mard, dak li jkun, ikun jista’ jieħu ħamest ijiem leave biex jieħu ħsieb lit-tfal jew xi qarib li jgħix taħt l-istess saqaf. 

Il-Gvern qed iwiegħed ukoll li fost il-prijoritajiet ewlenin ikun hemm dawk favur li aktar familji jsiru ġenituri. Għalhekk il-President qal li l-Gvern se jressaq numru ta’ emendi għal-liġijiet li jirregolaw l-IVF.

Pensjonijiet: Il-Gvern jibqa’ impenjat li jwieżen lil kulħadd 

Il-President kompla jisħaq li bħalma l-Gvern iġġieled il-pandemija, issa se jkun qed jaħdem biex jiġġieled realtajiet ġodda tal-lum u jnaqqas id-dipendenza soċjali.

Semma fost oħrajn it-tisħiħ tal-pensjonijiet u anke t-tlestija “tal-akbar proġett ta’ bini ta’ akkomodazzjoni soċjali li se jammonta għal 1,700 unit ġdid.”

Fl-aħħarnett il-President spjega kif il-Gvern qed wiegħed li jinvesti aktar minn qatt qabel fl-aspett kulturali, fejn fost oħrajn, id-diskors tal-President wiegħed “għajnuniet bla preċedent lis-soċjetajiet mużikali Maltin u d-diversi aspetti tal-festa Maltija.”

“Se jkollok min jgħid li wara pandemija ma nifilħux inwettqu dawn il-bidliet kollha. Li waqt gwerra ma nistgħux inwettqu d-dekarbonizzazzjoni tal-ekonomija. Imma dan żgur mhuwiex il-mument li nipposponu riformi u bidliet. Anzi għandna nifhmu l-lezzjoni tal-pandemija ... Għalhekk kull sfida trid twassalna biex inwettqu bidliet dejjem aktar kuraġġużi. Huwa biss jekk inkomplu niġġeddu li nibqgħu nkunu pajjiż ta’ suċċess,” temm jgħid id-Diskors tal-President.

Il-Parlament
Il-Parlament

More in Politika