€4 miljun biex binja tad-Dipartiment tax-Xogħolijet Pubbliċi tkun aktar sostenibbli fl-użu tal-enerġija

Dan il-proġett huwa parti minn sensiela ta' proġetti li qed isiru mill-fond għall-Irkupru u r-Reżiljenza tal-Unjoni Ewropea 

Il-Ministru għax-Xogħlijiet Pubbliċi u l-Ippjanar Stefan Zrinzo Azzopardi u s-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Chris Bonett żaru x-xogħlijiet li qed isiru fuq il-binja tad-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi, magħrufa bħala ‘Project House’, li b’investiment ta’ madwar €4 miljun qed tinbidel biex tkun aktar sostenibbli fl-użu tal-enerġija. Dan il-proġett mistenni jitlesta sa' Ġunju li ġej. 

Fid-diskors tiegħu l-Ministru Stefan Zrinzo Azzopardi saħaq dwar l-importanza ta’ dan il-proġett hekk kif din il-binja, li tintuża għal skopijiet differenti, se tkun ferm aktar effiċjenti fl-użu tal-enerġija u dan huwa meħtieġ biex ikunu jistgħu joperaw l-uffiċini kollha ta’ ġo fiha. Huwa żied jgħid li b'dan il-proġett se titnaqqas id-domanda tal-enerġija u jonqsu l-emmissjonijiet. 

Ix-xogħolijiet li saru jikkonsistu fi twaħħil ta' insulation boards mall-faċċati tal-binja kif ukoll qoxra fuq barra bil-ġebel tal-qawwi lokali fejn inħolqot sistema ta' ventilated cavity. L-aperturi saru kollha bi frame tal-aluminju thermal break bi ħġieġ double glazed. Fuq il-bejt inqala' l-kontrabejt eżistenti biex tqiegħed l-insulazzjoni u wara reġa' tqiegħed kontrabjet ġdid li ngħata kisja heat reflective. 

Ġew installati aktar pannelli fuq il-bejt kif ukoll oħrajn li twaħħlu fuq il-faċċati li jħarsu lejn in-Nofsinhar. F'dawn il-faċċati tqegħdu louvres quddiem it-twieqi biex jaqtgħu s-sħana tax-xemx fis-sajf. Barra minn hekk, ġew installati sistemi ċentralizzati ta' arja kkundizzjonata VRF, li huma aktar effiċjenti. Apparti minn hekk tqiegħdet ukoll sistema ta' mmaniġġjar tal-enerġija għas-servizzi kollha u b'hekk se tirriżulta fi tnaqqis tal-użu tal-enerġija. 

Il-Ministru saħaq li huwa importanti ħafna li jsiru xogħlijiet bħal dawn f’diversi binjiet pubbliċi u anke privati biex Malta tilħaq il-miri ambjentali tagħha għas-snin li ġejjin.

Min-naħa l-oħra s-Segretarju Parlamentari Chris Bonett spjega li x-xogħlijiet li qegħdin isiru fuq Project House huma parti minn sensiela ta’ proġetti li qegħdin isiru mill-fond għall-Irkupru u r-Reżiljenza tal-Unjoni Ewropea. “Il-President tal-Kummissjoni Ewropea Ursula Von Der Leyen kienet sejħet il-pjan ta’ Malta bħala pjan favur l-ambjent. Fil-fatt, 54% tal-inizjattivi li hemm fil-pjan huma inizjattivi ambjentali”, qal Chris Bonett. Huwa qal ukoll li pajjiżna għandu allokat €316 miljun u se jkun qed jara li l-gvern jilħaq il-miri stabbiliti mal-Kummissjoni Ewropea u li dawn jiġu milħuqa fil-ħin.

More in Politika