Il-Kamra tal-SMEs tfaħħar is-suppliment tal-paga imma tisħaq li l-lista l-griża qed tħalli impatt

Il-Kap Eżekuttiv tal-Kamra għan-Negozji Żgħar u Medji appellat biex l-ingaġġ tal-ħaddiema tal-Gvern ikun aktar trasparenti għax fi kliemha kull meta tersaq l-elezzjoni, diversi negozji jispiċċaw jitilfu impjegati li jkunu ilhom snin jaħdmu magħhom

Il-President tal-Kamra għan-Negozji Żgħar u Medji, Paul Abela, faħħar is-suppliment tal-paga mogħti mill-Gvern minħabba l-pandemija iżda saħaq li l-lista l-griża qed tħalli l-impatt tagħha.

Waqt attività ta' qabel l-Elezzjoni Ġenerali, li għaliha huma mistiedna l-Prim Ministru u anke l-Kap tal-Oppożizzjoni, Abela rringrazzja lill-Gvern għas-suppliment tal-paga, li fi kliemu, salva xejn inqas minn 100,000 impjieg.

Fil-fatt, anke l-Kap Eżekuttiv tal-Kamra, Abigail Mamo, tkellmet dwar l-importanza li din tibqa' tingħata lil dawk in-negozji l-agħar milquta biex ikunu jistgħu jgħaddu f'dik li tidher bħala l-aħħar fażi tal-pandemija. 

Abela insista li llum mhux kollox ward u żahar. Fakkar li l-Bank tal-Iżvilupp sellef €500 miljun għan-negozji u dan huwa dejn li jrid jitħallas, hekk kif in-negozji jerġgħu jibdew jieħdu r-ruħ.

Kien hawn li fakkar fil-lista l-griża u insista li mhuwiex biżżejjed li l-pajjiż joħroġ minnha, għax fi kliemu, meta dan iseħħ, il-pajjiż irid jerġa' jibda mill-bidu biex jibni mill-ġdid ir-reputazzjoni.

Tkellem dwar il-burokrazija li n-negozji qed ikollhom jgħaddu minnhom quddiem il-banek. Fi kliemu, ikun hemm banek li jheddu lin-negozji li jagħlqulhom il-kontijiet għax ma jkollhomx il-karti kollha neċessarji.

"Jekk jagħlqulhom il-kontijiet, dawn se jkunu qed jagħlquhom in-negozju," insista.

Semma l-kwistjoni bejn l-Ukrajna u r-Russja u l-impatt li dan se jkollu fuq il-prezzijiet tal-enerġija, il-gass u anke l-importazzjoni tal-qamħ.

Appella lill-Gvern biex ikompli jgħin lin-negozji Maltin biex hekk kif il-ħajja tkompli tirritorna lejn in-normal, jerġgħu jibdew "joħolmu biex jinvestu."

Abigail Agius Mamo, fl-indirizz tagħha, tkellmet dwar l-għoli tal-ħajja u l-impatt li din qed ikollha fuq in-negozji. Fakkret fil-proposta li qed tagħmel il-Kamra biex titneħħa s-SISA u anke jkun hemm tnaqqis tal-VAT. 

Fost proposti oħra li qed tagħmel il-Kamra, Agius Mamo fakkar li hemm bżonn tiġi indirizzata dik li sejħet bħala kompetizzjoni "inġusta" minn dak importat minn Sqallija.

"Għandna bżonn ineħħu l-awditjar fuq micro companies," ipproponiet ukoll Mamo f'isem il-Kamra, għax fi kliemha dan ipoġġi piż kbir fuq in-negozji żgħar.

Tkellmet ukoll dwar l-impjieg mal-Gvern, b'Agius Mamo tisħaq li kull meta tersaq l-elezzjoni, jibdew l-ilmenti mingħand min iħaddem dwar impjegati li jkunu tilfu għax ikunu ngħataw xogħol mal-Gvern. Appellat biex l-ingaġġ tal-ħaddiema tal-Gvern ikun aktar trasparenti. 

Il-proposti kollha tal-Kamra tal-SMEs jinsabu fuq is-sit tagħha.

More in Politika