Il-Qorti Kriminali Internazzjonali mitluba tinvestiga uffiċjali Maltin u Taljani fuq pushbacks

Tliet NGOs qed jakkużaw lill-awtoritajiet Taljani li flimkien ma’ awtoritajiet Maltin ħadmu id f’id mal-gwardji tal-kosta Libjana biex l-immigranti jkunu interċettati fil-baħar u meħuda lura l-Libja

L-NGO Olandiża Uprights, dik Franċiża Adala for Al u dik Taljana StraLIm kitbu lill-Qorti Kriminali internazzjonali (ICC) fl-Olanda għax qed jallegaw li l-Italja assistit gwardji tal-kosta Libjana biex jiġu interċettati immigranti fil-baħar u jiġu ffaċilitati l-pushbacks.

L-NGOs qed jakkużaw lill-awtoritajiet Taljani li flimkien ma’ awtoritajiet Maltin ħadmu id f’id mal-gwardji tal-kosta Libjana biex l-immigranti jkunu interċettati u meħuda lura l-Libja.

Huma qed jitolbu li jiġu investigati dawk il-persuni kollha li setgħu kienu involuti. Dawn jistgħu jkunu jinkludu wkoll lill-eks mibgħut ta’ Kastilja, Neville Gafà.

Gafà kien ikkonferma quddiem inkjesta maġisterjali li kien mitlub mill-Gvern Malti biex jikkoordina l-pushback ta’ immigranti lura lejn il-Libja.

Ikkonferma li fl-Għid il-Kbir tal-2020 huwa kien involut f’missjoni li kienet tinvolvi dgħajsa li fuqha kien hemm 51 immigrant biex tittieħed lura lejn il-Libja. Fuq id-dgħajsa kien hemm ukoll ħames persuni mejta.

 Aqra wkoll: Gafà jgħid li waqqaf 'eluf' ta' immigranti milli jaslu Malta

Kien hu stess li qal ukoll li bis-saħħa tal-kuntatti tiegħu, eluf ta’ immigranti kienu salvati mill-gwardji tal-kosta Libjani. 

L-NGOs qed jisħqu li kull meta immigranti ġew interċettati u mibgħuta lura l-Libja, dawn kienu soġġetti għal trattament mhux adegwat, torturi u stupru fost oħrajn.

Qed jisħqu li kwalunkwe reat li seħħ kontra immigranti u dawk li kienu qed ifittxu ażil jikkwalifika u għandu jkun investigat bħala “reat ta’ gwerra” skont Artiklu 8 tal-ICC u anke bħala reat kontra l-umanità skont Artiklu 7. 

More in Politika