Intervista | ‘Li jkeċċu bidwi mir-raba agrikola biex joqgħodu fih is-Sibt u l-Ħadd hi inġustizzja f’isem il-ġustizzja’

L-ILLUM titkellem ma’ Anton Refalo fuq dak kollu li hu jgħid li qed jinkwetah. Il-Qbiela, ir-riforma l-ġdida tal-pitkalija, l-art misruqa minn ħalq l-bdiewa bl-iskuża tal-iżvilupp u ħafna iktar .... 

Ritratt ta' James Bianchi
Ritratt ta' James Bianchi

 Fl-aħħar ġimgħat tas-sena 2021, il-gazzetta ILLUM żvelat illi bħalissa l-Gvern qed jaħdem fuq liġi ġdida tal-qbiela, hekk kif bdiewa qed jispiċċaw jitkeċċew mill-art agrikola li jaħdmu mis-sidien tal-art, li ħafna drabi jkunu jridu ħlasijiet ħafna ogħla.  

Fil-fatt kien il-Ministru għall-Agrikoltura, Sajd, Ikel u Drittijiet tal-Annimali, Anton Refalo stess, li kkonferma dan mal-ILLUM. Issa l-gazzetta reġgħet tkellmet ma’ Refalo dwar din il-liġi ġdida, li hu ddeskriva bħala “emoloġija sħiħa li qed tokrob għal qafas leġislativ.” 

‘Qed narawh issa r-riżultat ... il-bdiewa jitkeċċew u r-raba għoliet infern’ 

Viżibilment irrabjat, il-Ministru ammetta li l-kwistjoni tal-qbiela żammitu mqajjem għal jiem sħaħ. Mal-ewwel insista li għalkemm hu ġej mill-kamp legali, u li dejjem kien mgħallem li jrid josserva l-liġi filwaqt li jirrispetta s-sentenza tal-Qrati, xorta għandu d-dritt li ma jaqbilx.  

“Qed nagħmlu inġustizzji f’isem il-ġustizzja,” qal b’diżappunt Refalo waqt li rrefera għas-sidien li jkeċċu lil bdiewa mill-artijiet li jaħdmu bi qbiela, sabiex l-istess art tiġi mikrija għal picnics u l-BBQs. Huwa sostna li dan kollu qed jagħlaq il-passaġġi tal-bdiewa, bil-konsegwenza li l-bdiewa u l-biedja jmorru lura. 

Riżultat ta’ dan, “ir-raba għoliet infern. Biex illum tixtri tomna raba bagħal, jiġifieri raba li ma jinħadimx, trid tħallas għalih €50,000 jew €60,000 it-tomna,” qal il-Ministru Refalo. Huwa spjega li hemm nies li għandhom il-mezzi li jixtru dan ir-raba, ikeċċu lill-bidwi, jagħmlulek kamra biex imorru joqgħodu ġo fiha s-Sibt u l-Ħadd, u din hi “l-inġustizzja f’isem il-ġustizzja.” 

“Jekk inti tara s-sentenza ta’ Pulis, din is-sentenza, bir-rispett kollu lill-ġudikant, m’għamlitx differenza li hija għalija primarja, bejn art li hija għall-ekonomija u art li hija għall-agrikoltura.” 

Huwa ċċarra li minħabba li hu jiġi mill-qafas tal-liġi, ra li l-unika mod li jiġġieled din “l-inġustizzja” hu li joħloq qafas legali, u din id-darba jkun kostituzzjonali. Huwa ma qabilx mal-mod ta’ kif ġiet deċiża s-sentenza ta’ Pulis. Dan għaliex, skont hu, din ħadet biss il-fattur tal-qligħ skont kemm tinbiegħ l-art u kemm iġġib il-valur tas-suq meta kkumparata, mhux ma’ għelieqi fil-viċinanzi imma inġenerali. 

Il-każ ta’ Nazzareno u Antonia Pulis kien meqjus bħala wieħed uniku hekk kif kien dan il-każ li beda’ dan kollu. Qabel il-liġi tal-qbiela kienet dejjem tiffavurixxi lill-bidwi iżda dan il-każ fetaħ il-bieb sabiex numru ta’ bdiewa jiġu żgumbrati. Nazzareno u Antonia Pulis kienu bdiewa f’art bil-qbiela f’Ħaż-Żabbar. Is-sid tal-art, J&C Properties, rebaħ każ kontra l-Avukat Ġenerali wara li argumenta li l-liġi preżenti kienet qed tmur kontra d-dritt fundamentali tiegħu li jgawdi artu. 

Il-Ministru Anton Refalo jħoss li la l-ġudikanti u saħansitra lanqas il-Qorti Kostituzzjonali, mhux qed jikkunsidraw l-aspett kollu tal-biedja u dak li jġib miegħu. “M’għandekx biss l-aspett ekonomiku, imma għandek ukoll l-aspett soċjali,” żied jgħid. 

Huwa dar għal-fatti u tkellem dwar l-1,500 bidwi li jidħol il-pitkalija, b’20 miljun prodott agrikolu, “hemm tara kemm hemm familji jiddependu fuq l-art tagħhom, dak hu l-aspett soċjali,” qal Refalo. 

Għaldaqstant il-liġi tal-qbiela ma tolqotx biss lill-familji ta’ dawk il-1,500 biss, “għax fuq kollox dan hu l-ikel tal-pajjiż.” Spjega li għandek il-katina tal-ikel, dik li l-Unjoni Ewropea ssejjaħ bħala l-Istrateġija tal-Farm to Fork, li wkoll tiddependi fuq l-artijiet tal-bdiewa.  

Imma għaliex il-Gvern ma jistax jaqbad u joħloq riformi simili ta’ dawk li saru fil-liġijiet tal-kirjiet l-antiki? 

Hawnhekk il-Ministru fiehem li l-kwitsjoni tal-qbiela hi ferm aktar ikkumplikata mir-riforma li saret fil-liġijiet tal-housing. Dan għaliex dawk il-liġijiet jippermettu li l-Gvern jintervjeni għad-differenza fil-prezz tal-kera’ imma f’dan il-każ, flus min-naħa tal-Gvern, hu meqjus bħala state-aid. 

“Tirriżulta f’state-aid għax bħala bidwi qed taqla’ l-flus minnha l-art. Malli tagħmel profitt minnha, tiġi awtomatikament state-aid u l-Gvern ma jistax jipprovdi state-aid f’suq kompetittiv, skont ir-regoli tal-UE.” Dan ifisser li l-Gvern ma jistax joffri għajnuna lill-bdiewa skont l-ammont ta’ flus li jaqilgħu lanqas, għax ikun qed joħloq inġustizzji ġodda. 

Allura x’se jagħmel il-Gvern? 

L-għan tal-Gvern, fil-preżent, huwa li joħloq liġi li ma terġax tiġi attakkata kostituzzjonalment. Kif fakkar sewwa Refalo, m’għandniex għalfejn nerġgħu insemmu lil Pulis, għax din seħħet anke riċentament fil-kwistjoni tal-kirjiet tal-każini tal-banda. “Dan hu eżempju ċar fejn saret liġi, ġiet attakkata kostituzzjonalment, u issa l-Gvern se jkollu jixtri l-każini tal-banda,” tenna. 

Kompla jirrakkonta kif il-Gvern beda’ jistudja x’għamlu pajjiżi oħra u hemm fejn sab ruħu Franza. Bdiet il-kommunikazzjoni bejn il-Gvern u l-aġenzija Franċiża, Safer, illi taħdem fuq kwistjonijiet agrikoli u li għamlet ukoll liġi f’dan ir-rigward. 

Għarraf ukoll li beda’ d-diskussjoni mal-Ministru l-ġdid għall-Agrikoltura Franċiż, Julien Denormandie, li xahar ieħor se jieħu l-Presidenza tal-Kunsill tal-Ministri tal-Unjoni Ewropea. “Dawn ġew Malta, tkellmu mal-uffiċjali kollha li huma involuti, mad-Dipartimenti anke tal-artijiet u ħadna l-pariri tagħhom.” 

Issa l-Gvern qiegħed jaħdem fuq qafas ta’ liġi regolatorja li wara twassal għal white paper. Bl-ewwel ħidma se tkun fuq sempliċiment definizzjoni ta’ ‘art agrikola.’ Imbagħad se jkun deċiż x’valur se jkollha dik l-art agrikola, b’distinzjoni ċara bejn valur tas-suq u valur tal-art agrikola.  

“Irridu nagħmlu wkoll xi restrizzjonijiet oħra, li għalissa ma nistgħux nitkellmu fuqhom, imma malli jkollna qafas legali nkunu nistgħu nxandruhom,” temm jgħid Refalo. 

‘Għandna ġlieda kbira biex indaħħlu nies f’dan is-settur 

Intant, wieħed mill-effetti sekondarji li ħalliet il-liġi Franċiża hu li fiż-żmien it-80ijiet ġiet inutata żieda qawwija fil-produzzjoni ta’ prodotti agrikoli. Din waslet għal kriżi kronika ta' produzzjoni żejda li intremiet u ħalliet effetti negattivi fuq l-ambjent.  Dan il-punt ġie mqajjem mill-gazzetta ILLUM filwaqt li staqsiet lill-Ministru jekk Malta hux lesta għall-effetti sekondarji bħal dawn. 

B’daħka, Anton Refalo wieġeb li f’Malta din ma tistax issir għax għal kuntrarju ta’ Franza, f’Malta “għandna ġlieda kbira biex indaħħlu nies f’dan is-settur għax bħala pajjiż għadna niġġieldu l-mentalità u l-preġudizzji.” 

Il-Ministeru u t-tibdil fil-klima 

Il-gazzetta għafset ukoll fuq l-impatt li jħallu r-raħħala, il-biedja u s-sajjieda fuq it-tibdil fil-klima. Il-Ministru Refalo stqarr li din hi kwistjoni oħra li tinkwetah, “aktar tinkwetani illi fl-aħħar laqgħa bejn l-istati membri li saret, ma ġabet l-ebda riżultati.” 

Huwa aċċerta li l-Gvern qiegħed jipprova jieħu miżuri ambjentali li fl-istess ħin jieħdu f’konsiderazzjoni l-agrikoltura u anke s-sajd. Fost il-miżuri li semma Refalo, hemm il-miżura għas-sajjieda li jitilfu l-irkaptu tagħhom fil-baħar waqt sajda.   

“Jekk jibqa’ hemm ikun nassa għal ħut ieħor u anke għall-għasafar, allura aħna qed ngħidulhom meta titilfu l-irkaptu tagħkom, avżawna, u aħna nibgħatu bastiment u niġbruh. Jekk ikun tajjeb intuhulkhom lura, jekk le, narmuh kif suppost.” 

Skont Refalo miżuri bħal dawn jgħinu l-ambjent filwaqt li fl-istess ħin il-Gvern qed jeduka dwar l-isfida tat-tibdil fil-klima.  

‘Ir-riforma weħidha mhux biżejjed ... Il-Gvern ħass li għandu jkun hemm mutur wara r-riforma tal-pitkalija’ 

Filwaqt li rringrazzja lill-Prim Ministru, Robert Abela, “għax kien hu li xprunana ‘l quddiem,” Refalo qal li din kienet ilha tinħass. “Bħal ma inħass in-nuqqas ta’ trasparenza, traċċibilità u governanza ġewwa l-pitkalija.” 

Irrakonta kif mawra waħda fil-pitkalija, meta waslet biex tagħlaq fl-aħħar tal-ġurnata, ddiżapuntatu bi kbir hekk kif ra “trakkijiet kbar ta’ ħaxix jintrema għall-animali, u l-bidwi ma jafx x’sar mill-prodott tiegħu.” 

Kien għalhekk li l-Gvern ħass li għandu jkun hemm mutur wara din ir-riforma, u hawn fejn daħlet fis-seħħ l-Aġenzija Maltija għall-Ikel. L-għan prinċipali ta’ din l-aġenzija hu li tirregola l-prodotti tal-ikel tal-biedja u tas-sajd, filwaqt li tamministra wkoll operazzjonijiet inkluż tal-biċċerija.  

Għaldaqstant l-aġenzija għandha rwol ieħor issa, dak li ssib suq alternativ. Dan ifisser li la darba l-prodott tal-bidwi, tar-raħħal u tas-sajjied, sar traċċabbli u attraenti għas-suq, issa jmiss li jsib ruħu fuq l-ixkaffef barra minn xtutna. 

‘Mela Malta ma’aħniex kapaċi, li nibgħatu l-prodott tagħna barra?’ 

“Bir-rispett kollu, il-prodott Malti hu ħafna itjeb minn ta’ barra, imma l-isfortuna hi li l-għajn tiekol l-ewwel.  Jekk tmur f’supermarket tara ta’ barra tgħid kemm hu sabiħ, kemm hu jleqq,” beda l-argument tiegħu Refalo.  

Huwa argumenta li jekk irridu li dan is-settur jimxi ‘l quddiem, irridu nsibu postna fis-suq barrani. Semma li bħalissa l-patata biss qed tiġi esportata, b’2% tal-patata tiġi esportata lis-suq barrani. Hawn staqsa, “għaliex prodotti oħra le?” u “jekk il-prodott tagħna hu iktar bnin, għaliex qed noqgħodu lura?” 

Huwa sostna li l-aġenzija qed taħdem biex il-prodotti lokali jappellaw aktar għal konsumatur filwaqt li kull prodott jingħata wkoll ċertifikat ta’ kwalità, li hu prodott Malti u ta’ kwalità tajba. 

Hawn fejn tidħol l-Istrateġija Nazzjonali tal-Ikel...  

Dan kollu li semmejna jwassalna għal dik imsejjħa bħala ‘biedja organika.’ Refalo qal li Malta għandha fejn tagħmel pass kbir fejn tidħol l-biedja organika anke minħabba li l-UE tesiġi li sal-2025, 20% tal-art ta’ kull stat membru tkun art agrikola organika.  

“Għaqqadna kollox flimkien, taħt il-kuntest u l-kappa tal-ikel, u mexjin ukoll biex nagħmlu strateġija nazzjonali dwar l-ikel.” 

Refalo ddeskriva li għal Gvern kien importanti li “jkollu viżjoni, imbagħad strateġija sostenibbli u ħolistika” li sservi għal-lum imma anke għall-ġenerazzjonijiet futuri. B’hekk dak kollu li qed jaħdmu fuqu, inkluż il-miżuri tat-tibdil fil-klima, ir-riformi tal-pitkalija u saħansitra l-liġi tal-qbiela “jwasslu għal politika nazzjonali tal-ikel b’saħħitha.” 

Ammetta li jsib min ma jaqbilx mar-riformi, il-miżuri, u l-liġijiet. Intant, ma setax il-Gvern ma jagħmel xejn għax huma komdi dawk in-nies. “Ma stajniex bħala Gvern, inkomplu għaddejin kif aħna. baqgħalna x’nagħmlu, m’aħniex perfetti, imma mexjin.” 

‘Il-Kabinett hu konxju li ma għandhiex tittieħed l-art tal-bdiewa 

Il-gazzetta ma setgħetx ma tfakkarx lill-Ministru, li għalkemm dawn huma kollha aħbarijiet pożittivi, hemm ukoll bdiewa li huma rrabjati għax arthom sfat ‘vittma’ tal-iżvilupp. Fl-aħħar mill-aħħar, bdiewa bħal dawn mhux flus ikunu jridu, għax ir-rabta li jkollhom ma’ arthom xejn ma tixtriha. Il-gazzetta staqsiet lil Ministru Refalo, ‘ma tħossx li inqasthom lil dawn il-bdiewa?” 

Huwa pront wieġeb li jekk naqqashomx ma jafx għax hu dejjem prova jaħdem favurihom iżda jifhem minn fejn ġejja din id-domanda.  

Huwa qal li jrid jinħoloq bilanċ bejn żvilupp sostenibbli u l-ambjent. 

“Fid-dinja, il-bilanċ huwa kollox. Irridu ngħidu li l-Ministru Ian Borg, pereżempju, jaħdem ħafna għar-rigward tal-iżvilupp pero’ min-naħa l-oħra, rridu inkunu konxji tal-art tal-bdiewa, għax hi skarsa.” 

Huwa temm l-intervista jgħid li l-Kabinett hu konxju li m’għandhiex tittieħed l-art tal-bdiewa, filwaqt li ammetta illi hemm il-bżonn għal aktar konsultazzjoni u aktar bilanċ. “Aħna konxji, l-ewwel wieħed jiena, li l-art agrikola m’għandhiex tittieħed, u naħseb li l-Gvern qiegħed imexxi sew dan is-sens.” 

More in Politika