L-Awditur Ġenerali mhux kuntent bl-isforz li sar fil-ħabs għar-rijabilitazzjoni tal-priġunieri

Ifaħħar l-ordni u n-nuqqas ta' droga imma juri tħassib fuq l-infrastruttura u l-ispazju

L-Awditur Ġenerali Charles Deguara llum ippreżenta lill-Ispeaker Anġlu Farrugia r-rapport dwar studju li sar biex jevalwa l-operat tal-Aġenzija għas-Servizzi Korrettivi ġewwa l-Faċilità Korretiva ta’ Kordin (CCF).  

Fost oħrajn, ir-rapport jitkellem dwar il-ħidma li saret fuq ir-rijabilitazzjoni tal-priġunieri, fosthom permezz ta' opportunitajiet ta' xogħol u edukazzjoni. Saħaq li filwaqt li sar titjib, insista li l-opportunutajiet ipprovduti "huma limitati wisq biex jitqiesu bħala sforz adegwat mill-ħabs sabiex ix-xogħol u l-edukazzjoni jikkontribwixxu għar-rijabilitazzjoni tal-priġunieri.

Insista wkoll li l-leġiżlazzjoni lokali eżistenti ma’ timponix obbligi suffiċenti fuq l-Aġenzija għas-Servizzi Korrettivi fir-rigward ta’ sistema effettiva ta’ rijabilitazzjoni. 

"L-NAO iħoss li dan il-fattur iħalli inizjattivi ta’ kura u rijabilitazzjoni f’sitwazzjoni li jridu jikkompetu, aktar milli jikkumplimentaw, obbligazzjonijiet legali oħra aktar b’saħħithom bħalma huma dawk li jiddettaw id-dixxiplina u l-ordni," insista l-Awditur.

 Aqra wkoll: ‘Iffukajna ħafna fuq id-droga imma issa hemm bżonnijiet oħra li jridu jiġu indirizzati’ - Brincau

Ir-rapport jisħaq li waqt l-ispezzjonijiet li saru, l-Awditur Ġenerali osserva sens ta’ ordni, organizzazzjoni u ndafa u anke nnota titjib li sar fuq  l-infrastruttura tal-ħabs.

Iżda hawn saħaq li xorta waħda identifika xi nuqqasijiet fejn tidħol l-infrastruttura u li fi kliemu, "jistgħu jkunu ta’ piż bla bżonn fuq l-esperjenza ta’ priġunerija, li minnha nnifisha diġà hija intrinsikament diffiċli."

Innota wkoll li d-daqs tal-ħabs huwa limitat ħafna u insista li din is-sitwazzjoni qed iġġib magħha problemi ovvji, partikolarment fir-rigward ta’ sigurtà, iġjene u privatezza.

Dwar l-abbuż tad-droga, l-Adwitur Ġenerali insista li dan naqas b’mod konsiderevoli.

Innota wkoll li n-numru ta’ uffiċjali korrettivi, kif ukoll ta’ professjonisiti inkarigati mill-kura u riintegrazzjoni żdied iżda insista wkoll li għadu ma laħaqx il-livell stabbilit bħala l-ideali mill-Aġenzija.

Ir-rapport sħiħ jista' jiġi aċċessat minn fuq is-sit elettroniku tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika: https://www.nao.gov.mt , kif ukoll fuq il-paġna tal-Facebook – www.facebook.com/NAOMalta.

L-ILLUM tibqa' ssegwi s-sitwazzjoni fil-ħabs

Fl-aħħar ġimgħat, il-gazzetta ILLUM segwit mill-qrib is-sitwazzjoni fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin. Fost oħrajn, l-ILLUM tkellmet ma’ diversi persuni, fosthom l-eks gwardjan Emmanuel Cassar, gwardjani oħra u anke eks uffiċjal tal-Gvern li żvelaw kif Alex Dalli ġieli hedded priġunieri bl-arma tan-nar li kien iżomm fuqu. Darba minnhom saħansitra ftaħar dwar dan quddiem Ministru. 

Eventwalment, Dalli ssospenda lilu nnifsu aktar kmieni dan ix-xahar meta priġunier ieħor għamel suwiċidju. Dan kien it-tielet każ ta’ suwiċidju fil-ħabs din is-sena u l-erbatax-il mewta fi żmien it-tmexxija ta’ Dalli. 

Wara l-istejjer tal-ILLUM, il-Pulizija sejħet għal xi nies u qed tinvestiga. Saħansitra, kif żvela l-ġurnalist Peppi Azzopardi, kien hemm priġunieri li għamlu l-qalb u talbu li jitkellmu mal-Pulizija. L-Ombudsman ukoll fetaħ investigazzjoni. 

Dan apparti li l-inkjesta ministerjali u diversi inkjesti maġisterjali oħra dwar imwiet li seħħew fil-ħabs. 

Intant, skont il-Ministru għall-Intern Byron Camilleri, l-inkjesta ministerjali mistennija tintemm fil-ħmistax li ġejjin, bir-rapport tagħha se jkun disponibbli għall-midja. 

Ta’ min ifakkar ukoll li l-ILLUM kienet bagħtet diversi imejls b’mistoqsijiet lil Alex Dalli u saħansitra stednitu għal intervista. Kemm Dalli u anke l-Ministeru għall-Intern, dejjem injoraw l-imejls tagħna. 

More in Politika