‘Iffukajna ħafna fuq id-droga imma issa hemm bżonnijiet oħra li jridu jiġu indirizzati’ - Brincau

Il-gazzetta ILLUM titkellem mal-Aġent Direttur tal-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin Robert Brincau. Jisħaq li r-riforma fil-ħabs ma tistax tkun one-size-fits-all 

L-Aġent Direttur tal-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin, Robert Brincau saħaq li l-akbar problema li kellu l-ħabs fl-aħħar snin kienet id-droga, iżda saħaq li filwaqt li tpoġġiet ħafna attenzjoni fuq din l-isfida, fil-ħabs hemm bżonnijiet differenti li issa jeħtieġ li jiġu indirizzati. 

Brincau qal dan f’kummenti mal-gazzetta ILLUM, ftit jiem biss wara li ħa f’idu t-tmexxija tal-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin minn idejn Alex Dalli li ssospenda lilu nnifsu wara sensiela ta’ artikli fuq it-tmexxija tiegħu, partikolarment minn din il-gazzetta u anke wara l-erbatax-il mewta li seħħet fil-ħabs fi żmien it-tmexxija tiegħu. 

Mistoqsi x’inhuma l-prijoritajiet tiegħu u l-ħidma li jixtieq iwettaq, Brincau poġġa ħafna enfasi fuq l-inkjesta ministerjali li għaddejja bħalissa fuq l-operat tal-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin. 

“Qed nistennew ħafna proposti u se nkunu qed naħdmu fuqhom. Irridu nkomplu naħdmu fuq it-tajjeb li sar u nirranġaw fejn hemm bżonn,” insista Brincau. “Din ir-riforma se tkun mira oħra li rridu nilħqu.” 

Mistoqsi dwar l-isfidi ewlenin li jixtieq jindirizza, Brincau saħaq mal-ILLUM li l-ħabs mhuwiex biss droga. Fi kliemu hemm sfidi differenti li l-priġunieri jiffaċċjaw u għalhekk hemm bżonnijiet differenti li jeħtieġ jingħataw attenzjoni. 

Kien hawn li saħaq li fl-aħħar snin, anke għax il-problema kienet kbira, “ingħatat ħafna attenzjoni” lill-kwistjoni tad-droga iżda insista li ġaladarba din issa ġiet indirizzata, hemm bżonnijiet oħra li jeħtieġ jiġu indirizzati. 

“Ħafna mill-isfidi ġew indirizzati, fosthom id-droga. Imma issa wasal iż-żmien li nħarsu lejn aspetti oħra,” insista. 

‘Lis-soċjetà rridu nagħtuha lura nies aħjar’ 

Brincau qal li r-riforma mhux se tkun waħda faċli. “Kollha naqblu li r-riforma hija waħda diffiċli u żgur li ma tistax tkun one-size-fits all,” kompla jisħaq.  

Insista li l-ewwel u qabel kollox, wieħed jeħtieġ iżomm f’moħħu li l-ħabs huwa post ta’ riforma. 

“Dak huwa xogħolna. Irridu nagħmlu l-almu kollu tagħna biex lis-soċjetà nagħtuha lura nies aħjar,” insista l-Aġent Dirretur. 

‘Il-popolazzjoni tal-ħabs ... l-akbar sfida li għandna’ 

L-ILLUM staqsiet lil Brincau jekk jinkwetahx il-fatt li l-popolazzjoni fil-ħabs hija kbira żżejjed meta wieħed iqis l-infrastruttura tal-ħabs. Il-kriminologu Saviour Formosa, kemm-il darba jitkellem dwar dan. 

“Inkunu qed nidħqu bina nfusna jekk ngħidu li din mhijiex waħda mill-akbar sfidi,” insista Brincau. “L-infrastruttura diġà qed tingħata attenzjoni u ċert li r-riforma se tkun qed toħroġ aktar proposti dwar dan.” 

Mistoqsi jekk jaqbilx mat-taħlit ta’ priġunieri, partikolarment dawk li jkunu wettqu reati żgħar ma’ dawk li jkunu wettqu reati ferm akbar, Brincau reġa’ tenna li l-infrastruttura hija dik li hi. 

“Irridu naħdmu u nindirizzaw din l-isfida. Mhux faċli għax jista’ jkollok priġunieri li jidħlu f’aktar minn cluster wieħed u għalhekk ikollhom bżonn għajnuna differenti,” saħaq Brincau. Insista li fil-ħabs hemm ħafna professjonisti u għalhekk iħalli f’idejhom, għax fi kliemu ċert li dawn jafu kull persuna x’għajnuna jkollha bżonn. 

‘Ir-riforma mhijiex l-aħħar pass...’ 

Anke jekk tkellem ħafna fuq ir-riforma tal-ħabs, li fi kliemu għandha tgħin ħafna għax qed tinħadem minn esperti, Brincau insista li din lanqas ma hija l-aħħar pass. 

“Inkunu qed nitilfu opportunità jekk ikollna riforma u ma nkomplux naħdmu fuqha. Din hija evoluzzjoni,” saħaq Brincau. 

Mitlub jgħaddi messaġġ lil dawk kollha li qed isegwu mill-qrib is-sitwazzjoni tal-ħabs, l-Aġent Direttur insista li huwa jemmen li s-soċjetà taqbel li jkun hemm faċilità korrettiva, anke għax, fi kliemu, din hija sistema użata fid-dinja kollha. 

“Li nikkritikaw il-faċilità korrettiva, inkunu ftit inġusti,” saħaq Brincau. 

Saħaq li l-kwistjoni mhijiex waħda sempliċi u l-argumenti jiddependu mill-aspett li wieħed ikun qed iħares lejh.  

“Hemm il-vittmi, il-priġunieri, il-gwardjani, il-professjonisti u s-soċjetà. Dawn kollha rridu neħduhom inkonsiderazzjoni,” saħaq. “Din hija faċilità korrettiva. Imbagħad hemm għodda u metodi li għandek tuża biex tassigura li taħdem.” 

‘Se titkellmu ħafna miegħi’ 

Fl-aħħarnett, il-gazzetta ILLUM irringrazzjat lil Brincau, għax fl-aħħar, il-midja qed ikollha opportunità li titkellem mad-direttur tal-ħabs. 

“Se titkellmu ħafna miegħi. Inħares ‘il quddiem,” temm jisħaq. 

X’ġara fl-aħħar ġimgħat? 

Fl-aħħar ġimgħat, il-gazzetta ILLUM segwit mill-qrib is-sitwazzjoni fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin. Fost oħrajn, l-ILLUM tkellmet ma’ diversi persuni, fosthom l-eks gwardjan Emmanuel Cassar, gwardjani oħra u anke eks uffiċjal tal-Gvern li żvelaw kif Alex Dalli ġieli hedded priġunieri bl-arma tan-nar li kien iżomm fuqu. Darba minnhom saħansitra ftaħar dwar dan quddiem Ministru. 

Eventwalment, Dalli ssospenda lilu nnifsu aktar kmieni dan ix-xahar meta priġunier ieħor għamel suwiċidju. Dan kien it-tielet każ ta’ suwiċidju fil-ħabs din is-sena u l-erbatax-il mewta fi żmien it-tmexxija ta’ Dalli. 

Wara l-istejjer tal-ILLUM, il-Pulizija sejħet għal xi nies u qed tinvestiga. Saħansitra, kif żvela l-ġurnalist Peppi Azzopardi, kien hemm priġunieri li għamlu l-qalb u talbu li jitkellmu mal-Pulizija. L-Ombudsman ukoll fetaħ investigazzjoni. 

Dan apparti li l-inkjesta ministerjali u diversi inkjesti maġisterjali oħra dwar imwiet li seħħew fil-ħabs. 

Intant, skont il-Ministru għall-Intern Byron Camilleri, l-inkjesta ministerjali mistennija tintemm fil-ħmistax li ġejjin, bir-rapport tagħha se jkun disponibbli għall-midja. 

Ta’ min ifakkar ukoll li l-ILLUM kienet bagħtet diversi imejls b’mistoqsijiet lil Alex Dalli u saħansitra stednitu għal intervista. Kemm Dalli u anke l-Ministeru għall-Intern, dejjem injoraw l-imejls tagħna. 

Kampanja: Inwaqqfu l-ħniżrijiet f'Kordin 

Alex Dalli u Randolph Spiteri, l-Assistent tiegħu, qed jippruvaw jagħlqu ħalq il-gazzetta ILLUM b'libell. Dawn jiswew il-flus. L-edituri u l-ġurnalisti għandhom bżonn is-sostenn tagħkom. Din hija ġlieda favur id-dinjità umana. Tistgħu tibagħtu d-donazzjoni tagħhom permezz ta' trasferiment fil-kont b'dawn id-dettalji:  

Benefiċjarju: MediaToday Company Ltd 

Bank: Bank of Valletta p.l.c. 

SWIFT Code: VALLMTMT 

IBAN: MT71VALL22013000000040013525383 

jew inkella permezz ta' ċekk, indirizzat lil MediaToday Ltd, fuq dan l-indirizz: Mediatoday Ltd. Vjal ir-Rihan San Gwann, SGN9016. Wieħed jista' juża wkoll PayPal billi jagħmel kuntatt mal-uffiċjal finanzjarju tagħna fuq: [email protected] 

Nistiednu wkoll lil dawk li kienu l-ħabs, lil dawk li għandhom xi ħadd jiġi minnhom li jinsab jew li jaħdem fil-ħabs jew inkella lil dawk li jaħdmu mal-priġunieri jew inkella l-priġunieri infushom, biex jitkellmu dwar esperjenzi li għaddew minnhom jew li raw fil-Faċilità Korrettiva ta' Kordin.  

Il-vuċi tagħkom magħna tista' tbiddel l-affarijiet, fejn dawn mhux qed isiru sew! Għalhekk nistednukom biex tibagħtu imejl fuq [email protected] jew [email protected] jew inkella iċċemplu fuq in-numru 21382741/3 jew 21382745/6.  

L-identità tagħkom tibqa' waħda kunfidenzjali jekk intom titolbu dan. 

More in Politika