Aġġornata | Bernard Grech jakkuża lill-Ispeaker li qed idgħajjef lill-Parlament

L-Oppożizzjoni tressaq mozzjoni kontra l-Ispeaker Anġlu Farrugia ... il-Gvern ma jaqbilx

L-Oppożizzjoni ressqet mozzjoni skont l-Ordni Permanenti 13 biex il-Kamra tiddiskuti dak li hi sejjħet bħala "l-aġir min-naħa tal-Ispeaker Anġlu Farrugia." Il-Gvern pero' mill-ewwel indika li hu ma jaqbilx mal-mozzjoni, l-iktar għax "ma tissodisfax ir-rekwiżiti."

Fid-diskors tiegħu qabel ippreżenta l-mozzjoni, il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech, saħaq li l-Ispeaker Anġlu Farrugia "mar kontra l-ġurament tiegħu" u "b'imġiba parzjali, xekkel u renda inutli lill-Kumissarju għall-Kumitat għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika."

Dan kollu qed iseħħ hekk kif l-Oppożizzjoni tqis li minkejja qbil fil-Kumitat għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika, iċ-ċanfira li l-Parlament ta lid-Deputat Rosianne Cutajar ma kienet ċanfira xejn imma sempliċiment ġiet infurmata x'ġara u ma ġarax fil-Kumitat u kif dan wasal għal deċiżjoni fil-konfront tagħha.

Ilbieraħ, il-Ħadd 28 ta' Novembru, il-gazzetta ILLUM żvelat li l-Partit Nazzjonalista ma kienx qed jeskludi bojkott tal-Parlament bħala protesta kontra l-Ispeaker.

Wara li d-Deputat Speaker Claudette Buttigieg laqgħet it-talba biex isir dan id-dibattitu, beda bl-ewwel diskors il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech u warajh il-Prim Ministru Robert Abela.

Aqra dak li intqal mill-Prim Ministru f'dan l-artiklu.

'Il-Gvern qed jagħmel farsa mill-iskrutinju Parlamentari'

Huwa saħaq illi fil-Parlament huwa l-poplu li dejjem sovran u akkuża lill-Gvern illi ġab lil din l-istituzzjoni "farsa", kif jakkuża lill-Gvern li ġab "farsa" l-iskrutinju li suppost isir mill-Parlament. Fil-fatt Grech saħaq li l-fatt li l-Backbenchers kollha ingħataw xi forma ta' kariga f'entità governattiva tfisser li dawn il-backbenchers - li suppost jevalwaw u jiskrutinizzaw xogħol il-Gvern -  spiċċaw, skont Grech, "mixtrija". 

Huwa semma' wkoll l-ittra li l-Ispeaker bagħat lil Matthew Caruana Galizia, b'risposta għal ittra li fiha iben Daphne Caruana Galizia staqsa għaliex l-Ispeaker ma ċanfarx lil Rosianne Cutajar u talbu jirriżenja. B'ittra iffirmata minn avukat l-Ispeaker appella biex l-awtur jinforma ruħu qabel jagħmel ċerti akkużi. Huwa qal ukoll li mhux se jirreżenja u se jibqa' jagħmel xogħlu fl-interess tad-demokrazija u tal-Gvern Malti elett demokratikament. Grech qal li din l-ittra hija inaċċettabbli u sostna li din turi li l-Ispeaker kkonferma li ma fehemx l-irwol Kostituzzjonali li ġiet fdata lilu, għaliex jakkużah li qed jiddefendi lill-Gvern. 

'L-ispeaker tal-Kamra b'mod ripetetut iddefenda lill-Gvern'

Grech qal li l-ispeaker tal-Kamra b'mod ripetetut iddefenda lill-Gvern u jelenka numru ta' każi fosthom l-iskrutinju fuq l-Electrogas u fuq l-eks Ministru Konrad Mizzi, fuq użu ta' fondi pubbliċi ghal riklami politiċi, kif ukoll fuq senserija ta' €9,000 li d-Deputat Laburista Rosianne Cuatajar ħadet u li kienet akkużata illi ma ddikjaratx fl-assi tagħha.

 Huwa mbagħad akkuża lill-Ispeaker li qed idgħajjef l-istituzzjoni tal-Parlament u anke l-irwol tiegħu stess tant li jgħid illi fejn kien hemm ksur ta' etika l-Ispeaker qed jagħżel li jxekkel jew - skont Grech - irendi inutli l-ħidma tal-Kummissarju tal-Istandards. 

Il-Kap tal-Oppożizzjoni sostna illi kieku minflok Deputat ma ddikjaratx il-qligħ, kien hemm xi negozju żgħir jew xi bejjiegħ, kienu jsallbuh. Dan filwaqt li Grech jgħid li Rosianne Cutajar lanqas biss ingħatat iċ-ċanfira li l-Kumitat Parlamentari għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika talab li tingħata. 

Huwa esprima ruħu skandalizzat għaliex - skont hu - flok jimxi 'l quddiem l-Parlament, hemm Speaker li Grech jakkużah li qed jgħid li qiegħed hemm biex jissalvagwardja l-interessi tal-Gvern. 

Jipproponi tliet membri li jinħatru biż-żewġ terzi fil-Kumitat għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika

Għalhekk il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech ippropona li l-Kumitat tal-Istandards jkollu kompożizzjoni differenti minn dak tal-lum, billi jkollu membru appuntat mill-Gvern, ieħor mill-Oppożizzjoni u tliet membri - li wieħed minnhom ikun Chairman tal-Kumitat - li jiġu maħturin biż-żewġ terzi tad-deputati tal-Gvern. 

Huwa appella lill-PM li jekk verament irid isaħħaħ lill-Parlament jaċċetta l-proposta tal-Oppożizzjoni. 

(Dan l-artiklu qed ikun aġġornat)

More in Politika