'Jew se temmen fihom jew le ... aħna l-istuzzjonijiet nemmnu fihom dejjem'

Abela insinwa li l-mozzjoni kontra l-Ispeaker, hi biss "mossa estrema" li Bernard Grech ġie mqabbad jagħmel minn dawk li vera qegħdin jiġbdu l-ispag fi ħdan il-Partit Nazzjonalista ...

Ir-risposta tal-Prim Ministru Robert Abela għal dak li intqal mill-Kap tal-Oppożizzjoni fid-dibattitu urġenti tal-lejla, kienet waħda sempliċi: "tirrispetta l-istituzzjonijiet għax temmen fihom."

Abela insinwa li l-mozzjoni kontra l-Ispeaker, hi biss "mossa estrema" li Bernard Grech ġie mqabbad jagħmel minn dawk li vera qegħdin jiġbdu l-ispag fi ħdan il-Partit Nazzjonalista. Kompla jgħid li huwa qatt ma ra lil Grech jitkellem dwar l-ekonomija kif ukoll falla milli jiddiskuti r-riforma "kbira u reali" li ġiet diskussa l-ġimgħa l-oħra, imma illum Grech "ġie lest". Hawn Abela kien qiegħed jirreferi għar-riforma tal-kannabis. 

Intant il-Prim Ministru kkritika bl-aħrax dan id-dibattitu filwaqt li rrakkonta kif fi kliemu din hi "tattika antika tal-Partit Nazzjonalista, fejn isiru attakki fuq is-sedja meta ma' jogħġobhomx xi ħaġa."

Għaldaqstant huwa imbagħad elenka numru ta' liġijiet li seħħew taħt Gvern Laburista minn Jannar tal-2020, li jammontaw b'kollox għal 140 liġi. Huwa semma bħala eżempji l-emendi li saru fil-liġi tad-divorzju, il-kwota tan-nisa fil-parlament kif ukoll il-liġi, li illum.com.mt segwa mhux ħażin, tal-kirjiet l-antiki.

Fid-diskors tiegħu, Robert Abela insista li "l-istituzzjonijiet ma tirrispetahomx meta jaqbillek, jew tiddeċiedi li temmen fihom, jew le." Huwa kompla d-diskors billi qal li l-Kap tal-Oppożizzjoni qiegħed jistaqsi għal vot ta' fiduċja jew sfiduċja biex jagħmel devjazzjoni mir-riżultati tas-sondaġġi riċenti. Dan filwaqt li skont il-Prim Ministru r-risposta għall-ħidma tal-Gvern se tinkiseb biss fl-elezzjoni.

Huwa tenna li dan kollu qiegħed iseħħ biss għax Deputat Parlamentari Nazzjonalista, li qiegħed fil-Kumitat tal-Istandards fil-Ħajja Pubblika, jrid bilfors li Rosianne Cutajar tiġi mkeċċija. Hawn il-Prim Ministru kien qiegħed jindirizza lid-Deputat Nazzjoanlista Karol Aquilina. Abela fakkar li l-Kumitat tal-Istandards fil-każ ta’ Rosianne Cutajar adotta r-rapport tal-etika u ċanfarha skont il-parametri tal-liġi. Fil-fatt il-Prim Ministru temm id-diskors tiegħu jgħid li ma jistax Aquilina l-ewwel jivvota li Cutajar tiġi mċanfra u issa jmur kontra l-vot tiegħu stess.

More in Politika