Mill-2003 sal-2017: Ftit li xejn tibdil fil-ħames distrett; Jibqa’ tal-Labour u l-Partit Nazzjonalista jibqa’ staġnat

Il-gazzetta ILLUM tkompli bil-ħarsa tagħha distrett distrett lejn ir-riżultati li kisbu ż-żewġ partiti l-kbar fl-aħħar erba’ elezzjonijiet ġenerali. Din il-ġimgħa jmiss il-ħames distrett 

Il-ħames distrett elettorali, li lejh se nkunu qed inħarsu llum, huwa wkoll wieħed pjuttost Laburist. Jekk wieħed iħares lejn l-aħħar erba’ elezzjonijiet ġenerali, jinnota kif il-Partit Laburista għamel progress iżda mill-banda l-oħra, il-Partit Nazzjonalista baqa’ staġnat fejn kien. Din hija xejra li rajniha tirrepeti ruħha anke fl-erba’ distretti elettorali oħra li rajna sa issa. 

 F’temp ta’ 14-il sena, il-Partit Laburista żied l-appoġġ tiegħu b’madwar 5% filwaqt li l-Partit Nazzjonalista naqqashom.  

Il-gazzetta ILLUM qed tkompli bis-sensiela ta’ artikli li matulhom, hekk kif ninsabu ftit biss ‘il bogħod minn elezzjoni ġenerali oħra, qed tagħti rendikont u tanalizza s-sitwazzjoni tal-Partit Laburista u tal-Partit Nazzjonalista fid-distretti elettorali, mill-Elezzjoni Ġenerali tal-2003 sa dik tal-2017. 

Wara l-ewwel distrett, illum imiss il-ħames distrett. Dan jinkludi lil Birżebbuġa, Ħal Kirkop, l-Imqabba, Ħal Farruġ, il-Qrendi, Ħal Safi, iż-Żurrieq u Bubaqra. 

2003: Il-PN f’minoranza assoluta imma jeleġġi żewġ siġġijiet faċilment 

Bħalma għamilna fl-aħħar erba’ ġimgħat se nibdew il-ħarsa tagħna fil-ħames distrett mill-Elezzjoni Ġenerali tal-2003. Kif spjegajna diversi drabi, din l-elezzjoni, li l-Partit Nazzjonalista rebaħ b’aktar minn 12,000 vot, kienet waħda importanti għax seħħet ftit ġimgħat biss wara r-Referendum għas-Sħubija fl-Unjoni Ewropea. 

Il-ħames distrett, li jiġbor fih ħafna mill-lokalitajiet fin-nofsinhar tal-pajjiż, minn dejjem kien fortizza tal-Partit Laburista. 

Fl-2013, il-Malta Labour Party (kif kien jissejjaħ dak iż-żmien), kiseb 13,764 vot jew inkella 60.59% tal-voti. Il-Partit Nazzjonalista, mill-banda l-oħra, kiseb 8,830 vot, jew 38.87% tal-voti. 

Minkejja li d-differenza bejn iż-żewġ partiti kienet diġà waħda sostanzjali, il-Partit Nazzjonalista kien jeleġġi, mingħajr problemi ta’ xejn, żewġ Deputati minn dan id-Distrett. 

Mal-ewwel għadd, kien elett minnufih Karmenu Vella, wieħed mill-aktar kandidati popolari ta’ dan id-distrett. Vella kien elett b’4,275 vot. 

Warajh, iżda fl-għaxar għadd, kien elett George Vella, dak iż-żmien Deputat Mexxej tal-Partit Laburista għall-Affarijiet tal-Parlament. Vella kien elett bi 3,817-il vot. Ta’ min ifakkar li Vella kien wieħed mill-uċuh tal-kampanja Partnership u l-Partit Laburista, li hu kien parti mit-tmexxija tiegħu, kien għadu kemm ħiereġ minn disfatta elettorali. 

Fit-tmintax-il għadd, il-Malta Labour Party kien eleġġa wkoll lil Joseph Zammit li kiseb 3,285 vot, jiġifieri 502 voti inqas mill-kwota ta’ 3,787. 

Mill-banda l-oħra, il-Partit Nazzjonalista eleġġa l-kandidati tiegħu mas-sittax-il għadd. Louis Galea, dak iż-żmien Ministru għall-Edukazzjoni, kien elett b’4,425 vot u Ninu Zammit, dak iż-żmien Ministru għall-Agrikoltura u s-Sajd, kien elett b’4,213-il vot. 

Interessanti li l-Partit Nazzjonalista kellu tmien kandidati u fosthom kien hemm isem Franco Debono, li dik is-sena ma kienx ġie elett. Fl-ewwel għadd, Debono kien kiseb diġà 1,130 vot. Il-voti fost il-kandidati Nazzjonalisti kienu mifruxa ħafna. 

Ta’ min isemmi wkoll, li fl-ewwel għadd, Ninu Zammit kien aktar popolari minn Louis Galea. Madanakollu, Galea qabeż lil Zammit, meta wiret ħafna mill-voti ta’ Helen D’Amato u ta’ Franco Debono. 

Eventwalment, Louis Galea kien ċeda s-siġġu tiegħu f’dan id-distrett u minfloku, fl-elezzjoni każwali, kienet eletta D’Amato. 

F’din l-elezzjoni, il-Partit Laburista ħareġ għaxar kandidati fuq il-ħames distrett.   

2008: L-affarijiet ftit li xejn jinbidlu ... elett Franco Debono minflok Louis Galea li baqa’ l-art 

Meta tqabbel l-Elezzjoni Ġenerali tal-2008 ma’ dik tal-2003, l-affarijiet fil-ħames distrett ftit li xejn inbidlu, għajr fejn jidħlu l-kandidati li ġew eletti. 

Il-Malta Labour Party (kif kien għadu jissejjaħ), kiseb 13,571 vot, jew 60.29% tal-voti, filwaqt li l-Partit Nazzjonalista kiseb l-appoġġ ta’ 38.28% tal-votanti tal-ħames distrett, jiġifieri kiseb 8,617-il vot. 

Il-Partit Laburista reġa’ eleġġa tliet kandidati u l-Partit Nazzjonalista żewġ kandidati. 

Għal darb’oħra, Karmenu Vella, kiseb 4,911-il vot u kien elett minnufih fl-ewwel għadd. 

Warajh, iżda fit-12-il għadd, kienet eletta Marlene Pullicino (illum Farrugia), b’4,148 vot. Minkejja li ħarġet għall-ewwel darba, Farrugia, kisbet aktar voti minn George Vella. 

Fil-fatt, Vella kien l-aħħar kandidat elett f’dan id-distrett. Huwa kiseb 3,366 vot, jiġifieri lanqas laħaq il-kwota ta’ 3,752 vot. Ovvjament dan mhuwiex id-distrett ewlieni tat-tabib Vella li huwa Żejtuni 

Il-Partit Nazzjonalista, għal darb’oħra ma eleġġa lil ħadd mal-ewwel għadd, hekk kif il-voti reġgħu nfirxu u ma kien hemm ħadd li laħaq il-kwota minnufih. 

Ninu Zammit kien elett fl-erbatax-il għadd b’4,621 vot. 

Din id-darba, isem Louis Galea ħa daqqa fil-ħames distrett minkejja li kien Ministru għall-Edukazzjoni, iż-Żgħażagħ u x-Xogħol. 

Fil-fatt, Louis Galea ma kienx elett f’din l-elezzjoni u għalhekk tilef ukoll postu fil-Kabinett. Madanakollu, f’Mejju tal-istess sena kien maħtur Speaker tal-Kamra tad-Deputati. 

Galea tilef is-siġġu tiegħu għal Franco Debono li mal-ewwel għadd kien diġà kiseb 2,065 vot u kien elett fl-erbatax-il għadd bi 3,877 vot. 

Eventwalment, George Vella kien ċeda s-siġġu tiegħu f’dan id-distrett u meta saret l-elezzjoni każwali kien elett Joseph Sammut. 

F’din l-elezzjoni, l-MLP kellu għaxar kandidati u l-Partit Nazzjonalista kellu sebgħa.    

2013: Il-Partit Laburista jżid l-appoġġ u l-PN jitlef it-tieni siġġu 

Fl-2013, il-Partit Laburista żied sostanzjalment l-appoġġ tiegħu fuq il-ħames distrett, filwaqt li l-Partit Nazzjonalista kompla jnaqqas l-appoġġ u spiċċa biex tilef siġġu. 

Il-Partit Laburista kiseb 16,201 vot jew inkella 66.93% tal-voti, filwaqt li l-Partit Nazzjonalista ġab 7,689, jiġifieri kiseb l-appoġġ ta’ 31.77% tal-votanti fil-ħames distrett. 

Għal darb’oħra, Karmenu Vella kien l-aktar kandidat popolari ta’ dan id-distrett u kompla jżid il-voti. Fil-fatt, din id-darba huwa kiseb 5,231 vot u kien elett minnufih fl-ewwel għadd. 

Karmenu Vella, li kien inħatar Ministru għat-Turiżmu, kien irriżenja mill-Parlament Malti f’Ottubru tal-2014 meta nħatar Kummissarju Ewropew għall-Ambjent, is-Sajd u l-Affarijiet Marittimi. 

Marlene Farrugia kienet eletta fis-sbatax-il għadd b’4,993 vot.  

Elett ukoll f’isem il-Partit Laburista, kien Joseph Sammut. Huwa kiseb 4,623 vot u ġie elett fit-tmintax-il għadd. 

Kif spjegat ftit qabel, din is-sena, il-Partit Laburista eleġġa wkoll ir-raba’ Deputat tiegħu, jiġifieri lil Edward Scicluna. Din kienet l-ewwel darba li Scicluna kkontesta Elezzjoni Ġenerali hekk kif fis-snin ta’ qabel kien elett u serva bħala Membru tal-Parlament Ewropew. 

Scicluna kien elett fid-dsatax-il għadd wara li kiseb 4,087 vot. Eventwalment, huwa kien maħtur minnufih Ministru għall-Finanzi. 

Din id-darba, isem Franco Debono ma kienx fuq il-lista għax kien għadu kemm kisirha minn mal-Partit Nazzjonalista fl-aħħar ftit xhur tal-leġiżlatura. Il-Partit Nazzjonalista eleġġa biss Deputat wieħed minn dan id-distrett, jiġifieri lil Toni Bezzina.  

Huwa kien elett fl-għoxrin għadd bi 3,961 vot. 

Dik is-sena, fuq il-lista tal-Partit Nazzjonalista fil-ħames distrett kien hemm ukoll Jason Azzopardi u l-Ewroparlamentari David Casa. 

Fl-ewwel għadd, Azzopardi kien kiseb 2,041 vot filwaqt li Casa kiseb biss 786 vot. 

Il-Partit Nazzjonalista kellu 13-il kandidat filwaqt li l-Partit Nazzjonalista kellu seba’ kandidati jikkontestaw f’ismu.   

2017: Il-Partit Laburista jnaqqas ftit appoġġ u l-PN jeleġġi mill-ġdid żewġ Deputati 

Fl-aħħar Elezzjoni Ġenerali, il-Partit Laburista naqqas bi ftit l-appoġġ tiegħu u l-Partit Nazzjonalista żied ftit voti. Anke jekk id-differenzi kienu minimi, bis-saħħa tagħhom, il-Partit Nazzjonalista rnexxielu jeleġġi mill-ġdid żewġ siġġijiet minn dan id-distrett.  

Fl-2017, il-Partit Laburista kiseb 15,259 vot. Dan ifisser li kiseb l-appoġġ ta’ 65.73% ta’ dan id-distrett. Il-Partit Nazzjonalista kiseb 7,720 vot jew inkella 33.25% tal-voti. 

Joseph Muscat, dak iż-żmien Prim Ministru, kien ikkontesta fuq dan id-distrett u kif wieħed jista’ jimmaġina, kaxkar fil-voti. Fil-fatt, Muscat kien elett minnufih fl-ewwel għadd bi 12,886 vot. 

Muscat kien ċeda s-siġġu tiegħu f’dan id-distrett u fl-elezzjoni każwali, kien elett Stefan Zrinzo Azzopardi. 

Minħabba l-fatt li Muscat ġab ammont kbir ta’ voti, il-kandidati l-oħra Laburisti waqgħu ftit lura u għalhekk damu ftit aktar biex jiġu eletti. 

Owen Bonnici, Ministru għall-Ġustizzja, il-Kultura u l-Gvern Lokali, ikkontesta l-elezzjoni fuq dan id-distrett u wiret ħafna mill-voti ta’ Joseph Muscat. Huwa kien elett fit-23 għadd b’4,396 voti. 

Warajh, fit-23 għadd, kienet eletta Julia Farrugia Portelli bi 3,963 vot.  

Mill-banda l-oħra, Toni Bezzina kien l-ewwel Deputat li eleġġa l-Partit Nazzjonalista. Bezzina żied il-voti u kien elett fil-21 għadd b’4,016-il vot. 

It-tieni kandidat li eleġġa l-PN, anke jekk ma laħaqx il-kwota ta’ 3,870 vot, kien Herman Schiavone. Huwa kien elett fit-23 għadd bi 3,695 vot. 

Il-Partit Nazzjonalista, kif għamel fid-distretti l-oħra li rajna sa issa, ħareġ ammont konsiderevoli ta’ kandidati fuq dan id-distrett, jiġifieri għaxra, bil-voti tan-Nazzjonalisti jinfirxu. 

Din id-darba fuq il-lista tal-Partit Nazzjonalista kien hemm ukoll Marlene Farrugia li kienet irriżenjat mill-Partit Laburista wara diversi skandli li ġew żvelati u kienet issieħbet fil-Forza Nazzjonali, immexxija mill-Kap Nazzjonalista Simon Busuttil. 

Minn fuq dan id-distrett, Farrugia ma kinitx ġiet eletta. 

Il-Partit Laburista kien ħareġ 14-il kandidat fuq dan id-distrett.

More in Politika