‘Aħna gwardjani imma ma nistgħux nidħlu Kordin ... ma jridx li nkunu nafu x’inhu għaddej’

Il-gazzetta ILLUM tkompli titkellem ma’ aktar gwardjani tal-ħabs dwar dak li għaddej wara l-bibien tal-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin, l-atteġġjament tad-Direttur u dawk ta’ madwaru

“Jiena u gwardjani oħra ma nistgħux nidħlu Kordin biex ma nkunux nafu x’inhu għaddej.” Hekk saħaq gwardjan ieħor tal-ħabs li tkellem mal-ILLUM wara li l-gazzetta ilha għal dawn l-aħħar ġimgħat tiżvela dettalji ta’ dak li għaddej wara l-bibien tal-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin.

Il-ġimgħa li għaddiet, il-gazzetta ILLUM tkellmet mal-eks gwardjan tal-ħabs Emmanuel Cassar, li żvela dettalji dwar is-sitwazzjoni fil-ħabs. Din il-ġimgħa, bħal ħmistax-ilu, il-gazzetta ILLUM tkellmet ma’ gwardjani preżenti tal-ħabs li komplew jitfgħu dawl fuq kif it-tmexxija tal-ħabs timxi kemm mal-gwardjani infushom u anke mal-priġunieri.

Gwardjan partikolari saħaq mal-gazzetta ILLUM kif ilu snin twal jaħdem il-ħabs u qabel wasal id-Direttur Alex Dalli dejjem ħadem fid-diviżjonijiet fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin.

Madanakollu, ftit xhur biss wara li wasal Dalli, l-istess gwardjan ingħata transfer u issa qed jaħdem f’diviżjoni oħra li għalkemm xorta tagħmel parti mill-ħabs, ma tagħmilx parti mill-binja f’Kordin.

“Jiena ma kontx gwardjan tal-qalba. Allura ħeles minni biex ma nkunx naf x’inhu għaddej f’Kordin,” insista dan il-gwardjan. Iżda jidher li dan il-gwardjan mhuwiex waħdu. Gwardjani oħra wkoll ingħataw transfers simili għax “ma kinux tal-qalba,” minkejja li dejjem ħadmu tajjeb fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin.

Gwardjan ieħor insista li kull ma jagħmel Dalli ma jfissirx li huwa ħażin. Fi kliemu tejjeb ħafna affarijiet fil-ħabs, partikolarment fejn tidħol is-sigurtà u insista li investa wkoll fl-uniformi tal-uffiċjali. 

Madanakollu kompla jisħaq li dawwar lilu nnifsu b’uffiċjali li “l-ħabs għamluh tagħhom.”

“Mhux hu biss il-problema. Il-problema hu u l-uffiċjali li hemm madwaru. Ma’ kulħadd jimxi bil-preferenzi. Anke mal-priġunieri hemm diskriminazzjoni,” insista dan il-gwardjan.

L-istess gwardjani kkonfermaw ukoll dak li l-gazzetta ILLUM kitbet u żvelat fl-aħħar ġimgħat. Fost dan, il-ġimgħa l-oħra, l-eks gwardjan tal-ħabs Emmanuel Cassar irrakkonta kif Alex Dalli ġieli daħħal l-arma li jġorr fuqu f’ħalq priġunieri biex iwisshom.

Dwar dan, Dalli fetaħ libell lil Cassar u skont blogger partikolari (li ħadha qatta bla ħabel kontra l-gazzetta għax kitbet fuq il-ħabs) anke lill-gazzetta ILLUM. Madanakollu, sa issa, il-gazzetta ma rċeviet l-ebda notifika. 

Minkejja li Dalli fetaħ il-libell, aktar gwardjani kkonfermaw din l-aħbar. 

“Wieħed mill-priġunieri kien fetaħ qalbu miegħi. Kien qalli li Dalli daħħallu l-arma f’ħalqu,” ikkonferma wieħed mill-gwardjani. “Jiena ħdimt taħt ħafna diretturi. Ma kinux jilbsu uniformi, ħlief ġlekk u ngravata u ma kinux iżommu arma fuqhom. Jew jara l-films ta’ Rambo, jew ma nafx. Rajtu b’għajnejja joħroġ fil-bitħa u jispara fuq il-ħamiem quddiem kulħadd.”

Gwardjan ieħor insista li mhux l-ewwel darba lanqas li jmur jagħmel l-ispezzjonijiet u għax ma jsibx dak li jrid, isakkar lill-priġunieri u jħallihom maqfula.

“Fil-ħabs hemm problema kbira. Hemm grupp ta’ nies li l-ħabs għamluh tagħhom u ħadd ma jista’ għalihom. Mhux biżżejjed li jitneħħa Dalli,” insista.

Skiet perfett minn Alex Dalli u mill-Ministeru għall-Intern

Għat-tielet ġimgħa, il-gazzetta ILLUM reġgħet baqgħet bla tweġiba kemm mit-tmexxija tal-ħabs u anke mill-Ministeru għall-Intern.

L-ewwel imejl, il-gazzetta ILLUM bagħtitha fid-29 ta’ Settembru fejn minnufih tat ċans lil Dalli biex iwieġeb għall-allegazzjonijiet. L-istess mistoqsijiet ġew mibgħuta lill-Minsteru għall-Intern.

It-tieni imejl, l-ILLUM bagħtitha fis-6 ta’ Ottubru iżda għal darb’oħra baqgħet biss bi skiet perfett.

Din il-ġimgħa, fit-12 ta’ Ottubru, il-gazzetta ILLUM reġgħet bagħtet l-istess mistoqsijiet u żiedet ftit magħhom. 

Apparti minn hekk, stiednet lid-Direttur Alex Dalli għall-intervista biex tagħtih ċans iwieġeb għall-allegazzjonijiet kollha li qed isiru fuqu u fuq it-tmexxija. 

Madanakollu, sa kemm morna għall-pubblikazzjoni ma rċevejna l-ebda tweġiba.

Dawn huma l-mistoqsijiet li l-ILLUM bagħtet u li se tibqa’ tinsisti li jiġu mwieġba:

  1. Sorsi mill-ħabs qalulna li inti kontinwament timxi fil-kurituri tal-ħabs armat b’arma tan-nar? Tikkonferma dan? Taħseb li dan huwa neċessarju?
  2. Huwa minnu li kien hemm drabi fejn l-arma użajtha biex thedded lill-priġunieri?
  3. Qalulna wkoll li ta’ sikwit, toħroġ fil-bitħa u tispara fuq il-ħamiem? Tikkonferma dan?
  4. Huwa minnu li fuq struzzjonijiet tiegħek, hemm ħitan fil-ħabs li qed jinżebgħu suwed? Għaliex tajt din l-istruzzjoni?
  5. Huwa minnu li l-ispezzjonijiet fiċ-ċelel qed isiru minn gwardjani armati bil-lembuba u t-tarka? Għaliex?
  6. Minnu li l-priġunieri jispiċċaw b’kastig għal kull ħaġa ta’ xejn? Pereżempju minnu li jekk jonxru u ma jneħħux il-ħwejjeġ fil-ħin, dawn taqbdu u tarmuhom? 

More in Politika