Il-PN jitlef żewġ reġjuni hekk kif Kunsilliera tiegħu ma marrux jivvutaw jew ivvutaw indipendenti

Clifford Galea Vella Maslennikov huwa l-ewwel President Laburista tar-Reġjun tat-Tramuntana, fejn il-PN dejjem kellu maġġoranza  - il-PN jitlef ir-Reġjun ta' Għawdex ukoll għall-Kandidat indipendenti Samuel Azzopardi

Clifford Galea Vella Maslennikov
Clifford Galea Vella Maslennikov

Il-Partit Nazzjonalista tilef il-maġġoranza f'żewġ reġjuni: Tat-Tramuntana u dak ta' Għawdex, biex issa għandu maġġoranza ta' Kunsilliera f'reġjun wieħed biss, jiġifieri dak tal-Lvant, li jinkludi l-Kunsilliera ta' Tas-Sliema u l-lokalitajiet tal-madwar. 

Illum iżda l-PN tilef ir-reġjun tat-Tramuntana li jinkludi l-lokalitajiet tan-Naxxar, San Pawl il-Baħar, il-Mosta, l-Imtarfa, il-Mellieħa, Ħ'Attard, Ħal Balzan, San Ġwann u l-Imġarr. Hawnhekk il-PN għandu 39 Kunsillier filwaqt li l-Labour għandu 37. Minkejja dan il-Partit Laburista kiseb 41 vot filwaqt li l-Partit Nazzjonalista kiseb 30 vot. Sorsi qalu lis-sit illum.com.mt illi filwaqt li l-Kunsilliera tal-PL kważi kollha - ħlief wieħed -  ivvotaw lill-kandidat Laburista, numru ta' Kunsilliera tal-PN jew ma vvotawx jew saħansitra vvutaw lill-Kunsillier tal-PL.

Dan se jfisser illi Clifford Galea Vella Maslennikov se jkun l-ewwel President tar-Reġjun tat-Tramuntana f'isem il-Partit Laburista. 

Intant il-PN tilef ir-reġjun ta' Għawdex ukoll - fejn ukoll għandu maġġoranza ta' Kunsilliera - hekk kif Samuel Azzopardi, eks Sindku tar-Rabat Għawdex ħareġ għal din l-elezzjoni bħala indipendenti. Azzopardi kiseb 49 vot filwaqt li Robert Tabone f'isem il-PN kiseb 20 vot mill-Kunsilliera.

Azzopardi - li fl-elezzjoni għal Kap ġdid tal-PN kien qed jappoġġja lil Adrian Delia -  kien diġà President ta' dan ir-reġjun iżda f'isem il-Partit Nazzjonalista.  Huwa mifhum li diżgwid li kellu mal-PN wasslu biex joħroġ bġala indipendenti.

Dan ifisser li l-PL issa qed imexxi erba' reġjuni: Port, Nofsinhar, Punent u Tramuntana. Il-PN għandu maġġoranza fir-reġjun tal-Lvant biss, filwaqt li Għawdex immexxija minn kandidat indipendenti.

More in Politika