'Stagno Navarra u l-PL ma rnexxilhomx jeliminawni'; Karol Aquilina mhux ħati ta' sewqan perikoluż

Il-Partit Nazzjonalista qed jitlob li ssir investigazzjoni biex ikun stabbilit kif filmat intern tal-pulizija ġie mgħoddi lil Karl Stagno Navarra u kif dan il-filmat 'ġie mmanipulat'

Id-Deputat Nazzjonalista Karol Aquilina kiteb fuq Facebook wara li l-Qorti lliberatu mill-akkużi li pprova jtajjar uffiċjali tal-Pulizija li kienu qed jeskortaw delegazzjoni barranija.

Fis-sentenza tiegħu l-Maġistrat qal li “assolutament ma jirriżultawx l-akkużi” li għamlu l-Pulizija fil-konfront ta' Aquilina, li kien akkużat b'sewqan perikoluż.

"Matul dawn l-aħħar xhur ħallejt il-proċess tal-ġustizzja jsir u jgħaddi fis-silenzju. Ilum li dan il-proċess intemm, kburi ngħid li l-kampanja moqżieża u mimlija gideb li għamlu Karl Stagno Navarra u l-istazzjonijiet tal-Partit Laburista splodiet f'wiċċhom," insista Aquilina.

Saħaq li dawn pprovaw jixluh ma' Malta li pprova jtajjar u jweġġa' uffiċjali tal-pulizija.

"Tant din kienet gidba li lanqas il-pulizija ma ġabu din l-akkuża fil-Qorti," saħaq Aquilina. "Stagno Navarra u l-ONE gidbu meta qalu li jien soqt fuq dawl aħmar. Gidbu minkejja li kienu jafu li jien, bħal ħafna nies oħra li jgħaddu minn dik it-triq kuljum, ingħatajt l-istruzzjoni biex insuq minn uffiċjali ta' Transport Malta," insista.

Kompla jisħaq li gidbu wkoll meta akkużawh li abbuża mill-privileġġi  ta' Deputat Parlamentari.

"L-uniku abbuż f'dal-każ sar minn min immanipula filmat u għaddieh lil Stagno Navarra. Tal-mistħija li l-uniku filmat li l-pulizija ressqet fil-Qorti kien il-filmat imxandar mill-ONE u mhux il-filmat sħiħ," insista.

"Jistgħu jserrħu rashom Stagno Navarra, il-ONE u l-Mexxej tagħhom Robert Abela li jien kont, għadni u se nibqa' niġġieled kontra l-korruzzjoni u favur il-ġustizzja u l-verità," temm jisħaq Aquilina.

Intant, il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech feraħ lid-deputat Karol Aquilina. Huwa rringrazzjah "għall-mod serju u eżemplari li mexa bih matul il-perkors li ħadet il-ġustizzja.

Huwa appuntah fil-karigi li kien qed jokkupa qabel feġġew l-akkużi, hekk kif Aquilina kien irriżena mix-Shadow Cabinet malli ħarġu l-akkużi kontrih.

Intant, il-Partit Nazzjonalista qed jitlob li ssir investigazzjoni biex ikun stabbilit kif filmat intern tal-pulizija ġie mgħoddi lil Karl Stagno Navarra u mmanipulat biex bih iwettaq kampanja ta' assassinju tal-karattru kontra deputat tal-Partit Nazzjonalista.

More in Politika