Il-PM Abela jħeġġeġ lill-Ġnus Magħquda għal impenn biex id-dinja tkompli tirkupra mill-Covid-19

Il-PM Robert Abela f'indirizz lill-Ġnus Magħquda jisħaq li l-importanza ta' stabilità u paċi fil-Libja għandha tibqa' fuq quddiem fl-aġenda 

Il-PM Abela waqt l-intervent tiegħu lill-Ġnus Magħquda
Il-PM Abela waqt l-intervent tiegħu lill-Ġnus Magħquda

Waqt l-indirizz tas-76 Laqgħa tal-Ġnus Magħquda il-Prim Ministru Robert Abela ħeġġeġ lill-mexxejja internazzjonali biex ikomplu bi pjanijiet li juru determinazzjoni u l-impenn lejn futur sostenibbli. Abela ħeġġiġhom ukoll biex ikomplu b'impenn sħiħ għall-irkupru mill-pandemija Covid-19 għal dinja aktar sostenibbli, ugwali, reżiljenti u inklussiva. 

Il-PM Malti qal illi hemm bżonn ta' imbuttatura tal-ogħla livell biex ċerti effetti ħżiena tal-pandemija u r-riċessjoni globali jkunu indirizzati, filwaqt li d-dinja tmur lura għat-triq li kienet ħadet biex twettaq l-Aġenda għall-Iżvilupp Sostenibbli. 

Dwar il-Bidla fil-Klima l-Prim Ministru Robert Abela fakkar li din hija sfida globali li jeħtieġ tiġi indirizzata u li dwarha jeħtieġ tittieħed azzjoni qabel ikun tard wisq. "Malta hija kommessa li tassigura li l-vuċi ta' dawk il-pajjiżi li l-aktar se jintlaqtu mit-tibdil fil-klima jinstema' u se tkompli taħdem kontinwament u b'mod attiv fl-istrutturi tal-Ġnus Magħquda u ma' stati membri oħrajn biex tqajjem għarfien dwar il-bżonnijiet u l-kapaċitajiet ta' dawn il-pajjiżi.

Huwa qal li jrid illi Malta tkun fuq quddiem, lesta biex taqsam l-esperjenza ta' diġitalizzazzjoni u dikarbonizzazzjoni u "filwaqt li qed tiffaċċja sfidi fir-rigward tal-infrastruttura kritika, fl-istess waqt tista' turi kemm hija effettiva s-soluzzjoni bbażata fuq il-komunità."

Abela ddiskuta l-Libja u qal li l-futur tal-pajjiż jeħtieġ jibqa' fuq quddiem tal-aġenda tal-Ġnus Magħquda, favur stabilità u paċi. Huwa qal li l-komunità internazzjonali jeħtieġ tipprovdi għajnuna biex tassigura li t-tranżizzjoni tkun waħda ta' suċċess għall-poplu Libjan, ir-reġjun u l-kontinent Afrikan, kif ukoll għad-dinja. 

Dwar l-Afganistan il-Prim Ministru esprima appoġġ għal dak li qalet il-Ġnus Magħquda, jiġifieri li l-komunità internazzjonali jeħtieġ tingħaqad biex tassigura li l-Afganistan ma terġa qatt tintuża bħala pjattaforma għat-terroristi.

 

More in Politika