L-Indipendenza | X’inbidel għall-poplu Malti fil-21 ta’ Settembru 1964?

Illum niċċelebraw Jum l-Indipendenza u għalkemm huwa jum li jagħmel lil ħafna Maltin kburin, bħall-bqija tal-Festi Nazzjonali, ftit li xejn nifhmu l-importanza tiegħu. Inbidel xi ħaġa fil-21 ta’ Settembru 1964? X’differenza għamlet fil-ħajja tan-nies? Jikteb il-Professur Godfrey A. Pirotta

Il-Monument tal-Indipendenza li juri lil Malta toħroġ mir-rabtiet li żammewha qaddejja ta’ ħaddieħor
Il-Monument tal-Indipendenza li juri lil Malta toħroġ mir-rabtiet li żammewha qaddejja ta’ ħaddieħor

Din il-mistoqsija hija waħda kumplessa għax l-Indipendenza mhijiex biss il-ġurnata li fiha tkun seħħet imma hija marbuta ma’ dak kollu li jkun seħħ mhux biss dakinhar tal-Indipendenza imma minn dak li seħħ qabel u dak li seħħ fis-57 sena minn dak il-jum. Dan joħroġ ċar jekk fl-analiżi tagħna nitilqu mill-jum tal-21 ta’ Settembru 1964 u mhux nagħmluh il-fulkru tad-diskussjoni. 

Sa minn sitt snin qabel, iż-żewġ partiti kbar kienu wrew id-determinazzjoni li jiksbu l-Indipendenza għall-Malta meta fil-Parlament Malti, f’Diċembru 1957, fuq mozzjoni ta’ Dom Mintoff, issekondata minn Ġorġ Borg Olivier, is-sejħa għall-Indipendenza ġiet milqugħa unaninament. Iż-żewġ partiti kienu jafu li Malta kienet għadha ‘l bogħod milli tkun ippreparata għall-Indipendenza imma kienu jafu li ma kienx hemm triq oħra. U naħseb minn dan il-fatt li għandna nibdew infittxu t-tifsira tal-Indipendenza.

Fil-prattika, nhar il-21 ta’ Settembru 1964, la kellu tifsira ekonomika u lanqas soċjali. Ftit li xejn inbidel wara li f’nofs il-lejl niżlet il-bandiera tar-Renju Unit u telgħet dik Maltija. Ir-Reġina kienet qabel u baqgħet wara bħala l-Kap tal-Istat Malti. Ekonomikament Malta kienet għadha kwazi totalment dipendenti fuq in-nefqa tas-servizzi militari tar-Renju Unit bħalma kienet għal 164 sena qabel dan il-jum storiku. Jekk sas-snin ta’ qabel il-gwerra din in-nefqa kienet ta’ soljev għall-poplu Malti għaliex kienet sors important ta’ impjiegi u qligħ, minn wara l-gwerra ‘l quddiem din kienet saret mażżra ma’ għonq il-poplu Malti. Iż-żewġ temi li kienu parti mid-diskussjoni ta’ kuljum kienu s-sensji minn mas-servizzi u l-emigrazzjoni. 

Ir-Renju Unit u Malta

Ir-Renju Unit kien qiegħed dejjem inaqqas in-nefqa tiegħu f’Malta waqt li ftit li xejn telaq il-kontroll tiegħu fuq Malta. Malta kienet tajba biex isservi l-interessi imperjali Ingliżi jew is-sehem tar-Renju Unit anki f’attivitajiet illeċiti. Kienet storja ta’ mewġa waħda wara l-oħra ta’ kriżijiet ekonomiċi. Il-privatizzazzjoni tat-Tarzna mill-Ammiraljat, pereżempju,issarfet f’telf ta’ eluf ta’ impjiegi u ta’ theddida għal din l-industrija.  Fir-realtà, mingħajr in-nefqa militari Ingliża,f’Malta ma kien hemm ebda ekonomija. Eluf kbar ta’ nies bla xogħol ma jgħinux ekonomija tikber anzi l-istat irid jara kif jagħtihom l-għajxien. L-emigrazzjoni kienet tista’ tgħid l-unika policy li setgħet twieġeb għal din is-sitwazzjoni u eluf kbar ta’ Maltin, ħafna minnhom mgħejjuna mill-Istat, sakemm sirna indipendenti, kienu diġà għamlu din l-għażla.

Il-Prim Ministru Ġorġ Borg Olivier dakinhar li Malta kisbet l-Indipendenza
Il-Prim Ministru Ġorġ Borg Olivier dakinhar li Malta kisbet l-Indipendenza

Soċjalment kienu seħħew numru ta’ żviluppi: edukazzjoni għal kulħadd minn sitt snin sa 14-il sena fl-1949, id-dħul tal-iskema ta’ Assigurazzjoni Nazzjonali fl-1956 u xi skemi tas-saħħa matul l-istess żmien. Imma biex dawn segħtu jseħħu kien hemm bżonn ta’ ħafna pressjoni fuq il-Gvern tar-Renju Unit għall-fondi meħtieġa. F’Malta in-nies dejjem kienu jżommu n-nifs biex jaraw kif dawn in-negozjati se jispiċċaw. U kien dan il-qtugħ ta’ nifs li ftit ftit beda jħajjar lin-nies joħolmu dwar l-indipendenza u l-ħolma li bis-saħħa tal-għażliet tagħna nibnu ekonomija ġdida u ħajja aħjar. 

Fil-21 ta’ Settembru 1964, bħal fis-snin ta’ qabel, in-nefqa militari kienet u baqgħet il-fus li fuqu d-dur l-ekonomija Maltija. U l-Inglizi kienu assiguraw ruħhom min dan billi rabtu l-għajnuna finanzjarja lill-Malta ma’ dik imsejjaħ Ftehim ta’ Difiża. Bis-saħħa ta’ dan il-ftehim ir-Renju Unit żamm f’idejh oqsma strateġiċi u anki f’dan iż-żmien ma naqqas milli juża lil Malta fl-intriċċi tiegħu. Barra minhekk il-firxa ta’ proprjetajiet li kien żamm f’idejh il-Gvern tar-Renju Unit kien ta’ xkiel għall-iżvilupp ekonomiku bħal pereżempju fl-oqsma tat-turiżmu. Imma l-istess Gvern Ingliż kien jaf li huwa stess kellu kriżijiet finanzjarji kbar ma xiex jissielet u beda jħares kif jittrasferixxi l-preżenza militari mingħandu għal għand in-NATO. Għal kull tip ta’ kummerċjant Malti post il-baħri Ingliż beda jieħdu dak Amerikan jew tan-NATO. 

Il-Gvern Malti beda jfittex toroq biex jiddiversifika ekonomija u għalhekk beda jfittex sorsi ta’ għajnuna barranija biex jitwettqu proġetti u jitħajjar l-investiment barrani. L-għajnuna barranija u investiment barrani biss segħtu jagħmlu d-differenza. Fl-1966, wara li l-PN kien għadu kif rebaħ elezzjoni ġenerali, f’Memorandum lill-Kabinett, il-Prim Ministru esprima d-diżappunt tiegħu bl-attitudni tal-Gvern Ingliż u n-NATO lejn Malta u esprima l-fehma li Malta kellha bżonn li tħares ‘il barra minn dawn ir-rabtiet tradizzjonali billi tiżviluppa relazzjonijiet anke ma’ pajjiżi wara l-Purtiera tal-Ħadid. 

Fl-1967 il-Gvern Ingliż kien ħabbar wieħed mill-ikbar rundowns fl-istorja ta’ Malta. Fit-toroq kellna pellegrinaġġi, “silent marches” mill-barranin li jgħixu Malta, flimkien mal-Gvernatur Ġenerali, u talb fil-knejjes. Fil-Parlament wkoll ġiet mgħoddija mozzjoni, imressqa minn Ġorġ Borg Olivier u ssekondata minn Dom Mintoff, biex tiċħad lill-Ingliżi u lin-NATO l-użu tal-faċilitatjiet militari f’Malta. U f’Diċembru tal-istess sena, il-Prim Ministru mar l-Italja biex jitlob lill-Prim Ministru Taljan biex jaqbeż għal Malta għaliex in-NATO qed titratta lil Malta qisha xi kolonja. Minħabba dan kollu l-emigrazzjoni reġgħet ħadet rankatura qawwija ‘il fuq. 

‘21 ta’ Settembru kellha tifsira psikoloġika’

Għalhekk il-21 ta’ Settembru la kienet u lanqas setgħet tkun xi data maġika li kienet se tissarraf f’bidla mil-lejl għan-nhar. Imma xorta kellha tifsira. Kellha tifsira psikoloġika. Għall-Maltin din kienet ġurnata ta’ tama li forsi tiftaħ il-bieb għal żmien aħjar. Għalkemm is-sens ta’ pessimiżmu li kien jaħkem f’Malta ma tarx mil-lum għal għada, il-fatt li kellna iktar għażliet kien meqjus bħala pass pożitiv. 

Pereżempju ma kienx hemm aktar il-bżonn li Malta titlob xi permess mill-Gvern Kolonjali biex tilħaq xi ftehim kummerċjali ma’ xi pajjiż barrani jew tiftaħ relazzjonijiet diplomatiċi ma’ pajjiżi oħra kif kienu l-affarijet sa l-1964. Dan kien diġà pass ‘il quddiem u ma damx ma ta’ xi frott. Jum l-indipendenza kellu wkoll tifsira ta’ dinjità. Malta bdiet tissieħeb f’għaqdiet internazzjonali u poplu żgħir bħal tagħna ma setax ma jħossux kburi jara l-bandiera Maltija tittajjar flimkien ma’ dawk ta’ pajjiżi oħra fuq binjiet bħal tal-Ġnus Magħquda u l-Kunsill tal-Ewropa fost l-oħrajn. Forsi għal popli oħra li kienu imdorrija jaraw lilhom infushom parti mid-dinja internazzjonali ma kienx pass kbir ‘il quddiem imma għalina kien. Il-poplu seta’ jħoss li hu wkoll għandu xi jgħid u kien jieħu gost jara l-Prim Ministri tiegħu fuq il-podjum jgħidu tagħhom l-istess kif kien jagħmel ħaddieħor. 

F’dan is-sens l-Indipendenza kellha tifsira politika. Għalkemm il-ġenerali tan-NATO mhux dejjem urewna r-rispett li kien dovut lejn pajjiż sovran, il-Gvernijiet ta’ pajjiżi oħra kellhom jibdew jitgħallmu li Malta, minkejja iċ-ċokon tagħha u l-istorja tagħha ta’ qaddejja tagħhom, kienet stat sovran u dan il-fatt kellu jiġi rrispettat. Ftit ftit dan ir-rispett kiber kif kibru r-rabtiet politiċi u ekonomiċi tagħna. Ftit ftit bdejna nagħtu l-kontribuzzjoni tagħna lejn kwistjonijietinternazzjonali, kontribuzzjonijiet li minkejja ma stajniex, bħal xi superpotenza, ninponuhom fuq id-dinja, urew li kienu siewja u ġew addottati. Stajna u għamilna l-għażliet tagħna u qatt ma bżajna lanqas nieħdu postna dwar l-imwejjed fejn jittieħdu id-deċiżjonijiet.

Għalhekk, għalkemm f’nofs il-lejl tal-21 ta’ Settembru ma nbidel kważi xejn sostanzjali, irqadna u qomna prattikament għall-istess ħajja li konna nafu, dan il-jum kien il-bidu ta’ proċess li jekk jissarrafx tajjeb jew le kien jiddependi mill-kuraġġ u d-determinazzjoni jew in-nuqqas tagħhom ta’ gvernijiet Maltin. Fil-fehma tiegħi nistgħu nifmhu dan il-jum jekk inħarsu lejh bħala l-bidu ta’ proċess iktar milli xi jum li biddel Malta mill-lejl għan-nhar.

More in Politika