Grech iwiegħed li taħt Gvern Nazzjonalista dawk biss li jaqilgħu aktar minn €60,000 se jħallsu l-VAT

Grech saħaq li dan se jkun ifisser inqas burokrazija għan-negozji u fl-aħħar mill-aħħar inqas piż fuq il-konsumatur

Bernard Grech
Bernard Grech

Il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista saħaq li taħt Gvern Nazzjonalista, dawk biss li jaqilgħu aktar minn €60,000 se jkunu mitluba jħallsu l-VAT.

Huwa għamel din il-wiegħda meta kien qed jindirizza waħda mill-attivitajiet tal-indipendenza. Insista li Gvern Nazzjonalista huwa determinat li jnaqqas il-burokrazija għan-negozju u anke jnaqqas il-piż finanzjarju minn fuq il-konsumatur.

Preżentament huma biss dawk li jdaħħlu inqas minn €30,000 li jħallsu l-VAT. 

Grech spjega li l-PN qed jagħmel din il-wiegħda għax fi kliemu, eluf ta' negozji jaqilgħu biss ftit aktar minn €30,000.

Saħaq li b'din il-miżura, eluf ta' negozji mhux se jkollhom għaliex jiġbru l-VAT mingħand il-klijenti biex jgħadduha lill-Gvern.

"Qabel kien elett fil-poter, il-Partit Laburista kien wiegħed li jnaqqas il-burokrazija. Ma żammx din il-wiegħda," insista Grech. 

Qal li huma ħafna dawk in-negozjanti u anke sidien ta' ħwienet li jitkellmu miegħu dwar il-burokrazija u l-piż finanzjarju li jintefa' fuqhom. Saħaq li fl-aħħar mill-aħħar, dan il-piż qed jerfgħu wkoll il-konsumatur.

More in Politika