Graffitti kontra l-bini ta' razzett solari kbir daqs sitt grounds tal-futbol fl-Imġarr

Insistew li dan l-iżvilupp propost qed iħasseb bosta bdiewa u residenti anke għax qed jisħqu li dan huwa biss skuża għal aktar żvilupp

Il-Moviment Graffitti qal li huwa kontra l-proposta għall-iżvilupp ta’ razzett solari fl-Imġarr li qed iħasseb bosta bdiewa u residenti tal-madwar.

Fi stqarrija, il-Moviment Graffitti spjega kif dan l-iżvilupp se jkun qed jieħu madwar 38 tomna ta’ raba’ li jinħadem, jiġifieri d-daqs ta’ sitt grounds tal-futbol, liema raba’ huwa mimli ħitan tas-sejjieħ, siġar tal-ħarrub, xagħri, fawna u flora protetta, kolonji tan-naħal u fdalijiet arkeoloġiċi ta’ żmien ir-Rumani.

“Dan il-proġett ser jikkawża ħsara diretta fuq l-ambjent u jinsab f’Żona ta’ Importanza Arkeoloġika fl-Imġarr bi fdalijiet arkeoloġiċi li jmissu man-naħat ta’ barra tiegħu,” saħqet l-istqarrija.

L-iżvilupp propost jinvolvi l-bini ta’ serrer u panelli solari. L-attivisti saħqu li l-panelli solari, f’dan il-każ, m’għandhom l-ebda vatantġġ billi l-uċuh tar-raba’ li beħsiebhom ikabbru fihom ser jaqa’ fid-dell tagħhom, jiġiferi l-ħxejjex mhux se jkollhom xemx diretta fuqhom. 

“Il-bdiewa tal-inħawi  jinnutaw li, x’aktarx, xejn m’huwa ser ikun jista’ jikber hawnhekk u li l-proġett huwa biss skuża għal iktar żvilupp,” kompliet l-istqarrija. “Il-Kumitat Konsultattiv għall-Agrikoltura tal-Ministeru tal-Ambjent ukoll qajjem tħassib dwar dan il-proġett u saħaq fuq l-impatt viżwali konsiderevoli tiegħu, l-ammont eċċessiv ta’ art li ser jokkupa u l-impatt negattiv tiegħu fuq ir-raba’ tal-madwar. L-ilma żejjed li jnixxi fiż-żona jista’ jikkawża ħsara wkoll fuq it-Tempji ta’ Ħaġrat.”

Il-Moviment Graffitti insista li l-panelli solari għandhom jitpoġġew f’postijiet oħra bħal pereżempju binjiet industrijali u tal-gvern u bjut, iżda mhux fuq art agrikola. 

Fakkret li l-Awtortità tal-Ippjanar stess tirrakkomanda li l-panelli solari jitqiegħdu fin-netwerk eżistenti ta’ bini, bjut, żoni tal-parkeġġ u żoni miftuħa oħra li attwalment huma spazji moħlija. 

“38 tomna ta’ art agrikola fil-kampanja Maltija ma jistgħu qatt jitqiesu bħala moħlija u ma jagħmel l-ebda sens li jittieħdu għall-panelli meta hemm bosta spazji oħra li huma ferm iktar adatti,” kompliet l-istqarrija.

Insistew ukoll li l-proġett imur kontra d-dokument ta’ politika 2.11 dwar il-Panelli Solari fuq skala żgħira (2.1 Small Scale Photovoltaic Panels). 

Skont din il-politika, l-Awtorità tal-Ippjanar għandha tikkunsudra t-tqegħid ta’ panelli solari fuq bini rurali (inkluż serrer) fejn l-iskala hija żgħira u bla ebda impatt viżwali. Il-panelli solari proposti huma vasti u għandhom impatt viżwali qawwi fuq il-kampanja tal-Imġarr - punt li qajjmu bosta residenti li bagħatu l-oġġezzjonijiet tagħhom lill-Awtorità tal-Ippjanar.

“Jekk l-għan aħħari tal-proġett hija s-sostenibbiltà ambjentali, li neqirdu l-kampanja biex niftħu għall-iżvilupp mhijiex it-triq li għandna nieħdu. Il-bdiewa, l-attivisti u l-esperti ġibdu attenzjoni għall-ħsara kbira ta’ dan il-proġett u l-Awtorità tal-Ippjanar għandha tagħtihom widen,” temm jgħid il-Moviment.

More in Politika