Malta miexja biex tkun l-ewwel fl-Ewropa fir-regolarizzazzjoni taċ-charging pillars ta' karozzi elettriċi

Miriam Dalli tgħid li Malta qed toffri fost l-aktar rati kompetittivi u fost l-orħos tariffi fl-Unjoni Ewropea 'għax irridu ninċentivaw it-tranżizzjoni lejn karozzi aktar nodfa fit-toroq tagħna'

Intfetħet għall-konsultazzjoni pubblika l-ewwel policy paper nazzjonali dwar l-infrastruttura pubblika għaċ-charging pillars, flimkien ma’ regolamenti ġodda  li joffru fost l-aktar rati kompetittivi fl-Unjoni Ewropea u tariffi vantaġġjużi għall-konsumatur.

B’din il-policy paper u r-regolamenti, Malta se tkun fost l-ewwel pajjiżi Ewropej li qed jirregolarizzaw is-suq tal-infrastruttura pubblika.

Waqt konferenza tal-aħbarijiet, il-Ministru għall-Enerġija, l-Intrapriża u l-Iżvilupp Sostenibbli Miriam Dalli spjegat kif it-tariffi l-ġodda jinkoraġġixxu l-qalba għall-użu ta’ vetturi elettriċi, filwaqt li s-settur privat qed jiġi mħeġġeġ jkun parti mit-tranżizzjoni lejn ekonomija li ma tniġġisx.

“Qed nsaħħu l-mixja tagħna lejn id-dikarbonizzazzjoni. Għall-ewwel darba, pajjiżna qed joffri sistema strutturata li toffri viżibilità kemm lill-investitur kif ukoll lill-klijent. Dak li qed jiġi propost jimxi id f’id mal-ħtiġijiet tas-sewwieqa ta’ karozzi elettriċi u tas-suq lokali,” spjegat il-Dalli.

“Dan huwa settur li se joħloq ukoll opportunitajiet ta’ green jobs. Matul l-aħħar ġimgħat rajna interess b’saħħtu ta’ min irid jinvesti f’dan il-qasam u b’hekk qed indaħħlu ċertezza għal min irid jinvesti.”

Il-Ministru Dalli spjegat kif it-tnedija tal-politika nazzjonali hija bbażata fuq sensiela ta’ konsultazzjonijiet pubbliċi ma’ entitajiet u stakeholders varji, kemm mill-Gvern u mill-privat, kif ukoll f’konsultazzjoni ma’ diversi kunsilli lokali u l-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali. Permezz tal-konsultazzjoni pubblika se jinġabar aktar feedback biex din il-politika tiġi aġġornata.

It-tariffi mħabbra huma għal-binjiet residenzjali u dawk mhux residenzjali biex wieħed jiċċarġja l-vettura elettrika tiegħu.

Fil-każ ta’ residenzi privati, qed tkun offruta tariffa peak skont is-sistema tal-bands normali u tariffa off-peak ta’ €0.1298. Fil-każ ta’ tariffi f’proprjetajiet mhux residenzjali, it-tariffa f’ħinijiet ikkunsidrati bħala peak se tkun ta’ €0.1485, filwaqt li fl-off-peak, it-tariffa hi wkoll ta’ €0.1298.

“Qed noffru fost l-aktar rati kompetittivi u fost l-orħos tariffi fl-Unjoni Ewropeja għax irridu ninċentivaw it-tranżizzjoni lejn karozzi aktar nodfa fit-toroq tagħna,” saħqet il-Ministru. Per eżempju, it-tariffa fin-Norveġja, li hija fost l-irhas, hija ta’ €00.18c. It-tariffa medja mill-operaturi varji fil-Ġermanja hija ta’ €00.31c5. Fil-Polonja, it-tariffa medja hija ta’ €00.36c. Fl-Italja mbagħad tlaħħaq il-€00.45c.

Il-policy nazzjonali tenfasizza fost l-oħrajn l-importanza tal-interoperability taċ-charging pillars, fejn klijent ikun jista’ juża kwalunkwe charging pillar madwar Malta u Għawdex, irrispettivament minn min ikun l-operatur. Dan qed isir biex is-suq lokali tal-provvista tas-servizz jinfetaħ biex tiżdied l-aċċessibilità għas-sidien tal-karozzi elettriċi.

Il-Ministru Dalli temmet tgħid li l-linji gwida li ġew varati se jkunu msaħħa b’regolazzjoni ġdida li tkopri l-provvista tas-servizz taċ-charging pillars u l-operaturi. "Biex ikun assigurat livell għoli ta’ servizz, l-operaturi jeħtieġ li jkollhom liċenzja. Dan il-pass se jpoġġi lil Malta fuq quddiem tal-Ewropa fil-provvista ta’ sistema strutturata, li ma toqgħodx tistenna l-implimentazzjoni mandatorja ta’ direttivi Ewropej biex tagħmel dan."

More in Politika