FATF: 'Filwaqt li ħaddieħor magħqud ... f'Malta hawn oppożizzjoni li tinċità kontra Malta'

L-eks PM Joseph Muscat jgħid illi hu infurmat li kien hemm pajjiżi bħall-Finandja li kellhom rapporti "ħafna agħar" minn ta' Malta u li xorta ma tpoġġewx fuq il-Lista l-Griża tal-FATF

L-eks PM Joseph Muscat
L-eks PM Joseph Muscat

F'intervista li ġiet ippubblikata llum fuq il-ġurnal The Times l-eks Prim Ministru u eks Mexxej Laburista Joseph Muscat sostna illi hu jinsab infurmat li kien hemm pajjiżi bħall-Finlandja li kellhom rapporti dwar l-immaniġġjar ta' ħasil ta' flus u ffinanzjar tat-terroriżmu li kienu "ħafna agħar" minn dak ta' Malta iżda li xorta ma spiċċawx fuq il-Lista l-Griża tal-FATF. Muscat sostna li "d-differenza hija li filwaqt li pajjiżi oħrajn kienu magħqudin, fil-każ tagħna kull meta jkun hemm Gvern Laburista, l-oppożizzjoni ma tgħinx."

Huwa qal li fil-każ tal-vapur Erika - li kien itajjar il-bandiera Maltija u kien involut fid-diżastru ambjentali barra Franza - "dakinhar l-oppożizzjoni Laburista ma ħadmitx kontra l-interessi ta' Malta. Illum għandna Oppożizzjoni li tinċità lin-nies kontra Malta."

Muscat - waqt din l-intervista - bosta drabi semma' lill-Oppożizzjoni, tant li jgħid li l-problema ta' Gvern Laburista mhijiex il-popolarità jew li jitlef l-elezzjoni, għax jgħid li l-PN ma biddilx it-tattiċi tiegħu u baqa' "bitter". Huwa qal iżda li l-problema hija li xi nies fl-istess PN iddeċidew "li għax ma jistgħux jiggvernaw  - għandhom iwaqqfu l-istituzzjonijiet." Huwa elenka l-attakk fuq l-Avukat Ġenerali u jfakkar illi lanqas meta inħeles il-baruni tad-droga Queiroz ma kien hemm l-attakk li hemm illum fuq l-Avukat Ġenerali. Isemmi wkoll lis-Segretarju Permanenti fil-Ministeru tal-Finanzi u filwaqt li jfakkar li dan kien fil-kariga minn żmien il-Gvern immexxi minn Gonzi u anke qabel, "għax ta xhieda korretta fuq il-ftehim tal-isptarijiet (VGH) kien attakkat."

Filwaqt li wera' qbil mal-mod kif il-Gvern ta' Abela qed imexxi fuq strateġija biex Malta toħroġ minn din il-lista, qal ukoll illi meta kien hu Prim Ministru saret pressjoni biex - per eżempju - il-Gvern ikun iktar iebes man-Nemea Bank - bank li kien instab li qed jopera b'ħafna rregolaritajiet u li saħansitra kważi sentejn wara li għalaq  kellu jagħti madwar €13-il miljun lil klijenti tiegħu. Direttur ta' dan il-bank kien l-eks PM Lawrence Gonzi. 

"Jiena kont mistoqsi kif mhux qed inkun iebes biżżejjed ma' Gonzi u għaliex ma konniex iebsin biżżejjed mat-tifel ta' Gonzi - li kellu rabtiet mal-mafja tal-gaming. Imma kburi li ma mexxejniex kontrih għax ma kellux ikun akkużat. Oħrajn staqsewni għaliex ma għidna xejn meta John Dalli tneħħa minn Kummissarju tal-UE."

Huwa qal li kienu bagħtu għalih (ma jgħidx min) biex iżomm kwiet fuq ta' Dalli għax inkella Malta kienet tbati u qal li kien għalhekk li ma qal xejn.

Intant fi stqarrija l-PN qal huwa inkredibbli li Muscat beda l-karriera tiegħu jikkampanja biex Malta ma tkunx membru tal-UE u llum spiċċaha b'isem Malta fuq il-Lista l-Griża tal-FATF. "Għadu jwaħħal fil-PN għan-nuqqasijiet qarsa kollha tiegħu," sostna l-PN.

Il-PN sostna li Muscat "qed jhedded" li jirritorna.

More in Politika