Pjan ta' Azzjoni quddiem l-FATF biex Malta ma tibqax fil-Lista l-Griża

Jekk dan il-Pjan ta' Azzjoni jkun approvat mill-FATF, imbagħad il-Gvern ikun irid jibda jwettqu sabiex din tiddeċiedi jekk tneħħix lil Malta minn din il-lista

ll-Gvern lesta l-Pjan ta' Azzjoni fuq ir-rakkomandazzjonijiet tal-FATF, sabiex pajjiżna jkun jista' joħroġ mil-Lista l-Griża. Dan qalu mal-gazzetta ILLUM il-Ministru tal-Finanzi Clyde Caruana li qal ukoll illi issa dan se jkun ippreżentat "biex naraw l-FATF hix kuntenta bit-triq li se nieħdu."

Naturalment jekk dan il-Pjan ta' Azzjoni jkun approvat mill-FATF, imbagħad il-Gvern ikun irid jibda jwettqu sabiex din tiddeċiedi jekk tneħħix lil Malta minn din il-lista. 

Pajjiżna tpoġġa fil-Lista l-Griża wara vot kontra mir-Renju Unit, l-Istati Uniti u l-Ġermanja u minkejja li l-Moneyval kienet għaddiet lil pajjiżna mit-test, dwar il-ħidma tal-pajjiż kontra l-Ħasil tal-Flus. 

Malta spiċċat ukoll fuq din il-lista minkejja diversi bidliet u anke arresti ta' profil għoli, fost l-oħrajn tal-eks Chief of Staff f'Kastilja Keith Schembri u anke uffiċjali tal-Allied Newspapers - fosthom Adrian Hillman - fuq akkużi ta' ħasil ta' flus, kif ukoll arresti oħrajn li jinkludu lil Darren Debono, mill-ġdid fuq akkużi ta' ħasil tal-flus. 

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech qed iwiegħed li jekk il-partit li jmexxi jkun elett fil-Gvern, f'temp ta' 90 jum joħroġ lil pajjiżna minn din il-lista għax jgħid li l-PN għandu relazzjonijiet tajbin mal-pajjiżi li vvutaw biex Malta tkun fuq il-Lista l-Griża. 

Minn naħa tiegħu l-PM Robet Abela wiegħed ħidma biex Malta toħroġ minn din il-lista fi 18-il xahar jew qabel.

More in Politika