Fl-2020 Malta kellha 53,348 negozju attiv - żieda ta' aktar minn 2,300 mill-2019

L-akbar settur kien dak tal-bejgħ bl-imnut...

Fis-sena 2020 f'Malta kien hawn 53,348 negozju li hija żieda ta' 4.6% - jew inkella ta' 2,345 negozju - mill-2019. 

Is-settur tal-bejgħ bl-imnut flimkien mas-settur ta' tiswija ta' vetturi kien jammonta għal 18.7% tan-negozji filwaqt illi 13% kienu negozji relatati ma' servizzi professjonali, xjentifiċi u tekniċi, filwaqt li 9.7% kienu negozji relatati mal-kostruzzjoni. 

Dawn iċ-ċifri u l-fatti ġew żvelati mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika li spjega kif fl-2020 69% tan-negozji attivi kellhom proprjetarju wieħed jew imsieħba bħala sidien, 28.6% kienu kumpaniji limited liability jew public limited liability, 2.3% kienu organizzazzjonijiet li ma joperawx għall-profitti, kooperattivi, korporazzjonijiet, fergħat jew joint ventures. 

Ikkumparat mal-2019 dawk in-negozji li jħaddmu sa disa' persuni żdiedu b'4.9%, dawk li jimpjegaw aktar minn 250 ħadiem żdiedu b'4.3% filwaqt li dawk li jħaddmu bejn 10 u 49 ħaddiem żdiedu b'0.3%. Minn naħa l-oħra dawk li jħaddmu bejn 50 u 249 persuna naqsu b'1%. 

B'kollox fl-2020 kien hemm 16,167 impegatur f'Malta, tnaqqis ta' 0.2%. 

 

More in Politika