Caruana Galizia jgħid li martu ma allegatx li Joseph jew Michelle Muscat ħadu flus mingħand Leyla Aliyeva

Dan minkejja li fl-istess jum li fih allegat li Egrant Inc. hija ta' Michelle Muscat, qalet illi Egrant irċeviet $1.017 miljun minn l-istess Leyla Aliyeva f'artiklu separat

Peter Caruana Galizia sostna f'ġurament li ħa fil-Qorti illi martu, Daphne Caruana Galizia, qatt ma allegat illi l-eks PM Joseph Muscat jew inkella martu Michelle Muscat irċevew xi flus mingħand Leyla Aliyeva, it-tifla tad-Dittatur Ilham Aliyev, fl-istess blog li fih qalet li Egrant Inc. hija ta' Michelle Muscat.

Dan minkejja li fi blog nhar l-20 ta' April l-istess Caruana Galizia kienet kitbet illi f'Marzu tal-2019 Al Sahra FZCO kienet għamlet tranżazzjoni ta' $1.017 miljun għal ġol-kumpanija Egrant Inc. li f'dak il-jum stess, fi blog post ieħor Caruana Galizia qalet illi kienet il-kumpanija ta' Michelle Muscat. 

Daphne Caruana Galizia kienet kitbet hekk: "In March last year, Al Sahra FZCO – a company incorporated in Dubai’s free zone – made a single payment transaction of US$1.017 million to Egrant Inc, a company incorporated in Panama in 2013.

The transaction, which was described as a “loan payment”, was made from Al Sahra’s account at Pilatus Bank in Malta, to an account which Egrant Inc holds with a bank in Dubai. This was not the only “loan payment” which Egrant Inc received from Al Sahra FZCO, but it was the largest single transaction."

L-artiklu li jindika flus li allegatament għaddew għal ġo Egrant Inc.
L-artiklu li jindika flus li allegatament għaddew għal ġo Egrant Inc.

Madwar sagħtejn wara dan il-blog Daphne Caruana Galizia kienet kitbet artiklu illi fih qalet li Egrant hija ta' mart l-eks PM u li d-dokumenti dwar din il-kumpanija jinsabu f'safe fil-kċina tal-bank Pilatus.

'Minkejja konklużjonijiet ċarissimi Caruana Galizia jibqa' jgħid li l-inkjesta ma setgħetx teskludi li Egrant tagħna'  - Joseph Muscat

Intant l-eks PM Joseph Muscat sostna li din hija xi ħaga għal kollox ġdida "meta tqis il-gideb li sar u li għadu jsir fil-konfront tagħna."

Filwaqt li fakkar fl-artiklu li għalih qed issir referenza hawnhekk, huwa fakkar li l-esperti forensiċi internazzjonali imqabbda fl-inkjesta tal-Maġistrat (illum Imħallef) Aaron Bugeja "sabu li din it-transazzjoni qatt ma saret. Issa saħansitra qed jintqal lilna iżda li imkien ma ntqal li aħna ħadna xi flus."

"Minkejja l-konklużjonijiet ċarissimi fl-inkjesta tal-Maġistrat (illum Imħallef) Aaron Bugeja, fl-affidavit tiegħu Dr Caruana Galizia jibqa jgħid illi din l-inkjesta ma setgħetx teskludi li Egrant kienet tagħna. Bir-rispett kollu lejn Dr Caruana Galizia, dan mhux minnu. L-inkjesta ta’ elf u ħames mitt paġna li fuqha ħadmu esperti forensiċi internazzjonali ta’ reputazzjoni dinjija fl-oqsma tal-accounts u dawk diġitali, u li fiha xehdu kważi ħames mitt persuna, kkonkludiet mingħajr ebda dubji, illi Egrant ma kenitx la tiegħi, la ta' marti u lanqas ta’ xi qraba tagħna," reġa' saħaq l-eks PM. 

Huwa qal li hu offra li jwaqqa' l-libelli kontra Caruana Galizia jekk il-familja tirrikonoxxi l-konklużjonijiet tal-inkjesta indipendenti. 

"Peter Caruana Galizia qal li wliedu u hu ma jistgħux jaċċettaw din l-offerta. Ma nafx x'inhi d-diffikulta għaliex il-fiduċja fl-Imħallef qatt ma ġiet ikkontestata," sostna Muscat fil-messaġġ twil li tella' fuq Facebook. 

More in Politika