Sondaġġ MT | Il-PN jibqa' jaqa' lura bid-differenza bejn il-partiti titla' għal 16%

Id-differenza fil-fiduċja bejn il-mexxejja politiċi hija ikbar - b'Robert Abela fdat 21% aktar minn Bernard Grech

Il-Partit Nazzjonalista ma jidhirx li qed jagħmel wisq progress elettoralment, hekk kif l-aħħar sondaġġ ippubblikat dalgħodu fuq il-gazzetta Maltatoday juri lill-PN lura b'16% - li f'termini ta' voti u jekk taqta' dawk li qalu illi ma jafux kif se jivvutaw jew li ma jivvutawx - tammonta għal differenza ta' 48,000 vot. 

Fil-fatt mistoqsijin lil min jivvutaw kieku ssir elezzjoni bħalissa 45.7% wieġbu illi jivvutaw lill-Partit Laburisa, 29.3% wieġbu PN, 13.5% qalu li ma jafux kif jivvotaw u 9.4% qalu li ma jivvutawx. 

Dan is-sondaġġ sar matul din il-ġimgħa hekk kif favur il-Gvern baqgħet is-sitwazzjoni pożittiva fir-rigward tal-Covid-19 - l-aktar kwistjoni importanti għall-votanti, skont diversi sondaġġi xjentifiċi, filwaqt li reġgħu kienu fl-aħbarijiet l-allegazzjonijiet tal-aħwa Degiorgio kontra l-Ministru Carmelo Abela. 

F'termini ta' fiduċja - minkejja titjib ta kważi 4% għal Bernard Grech, Robert Abela jikseb 50.4% tal-fiduċja, u huwa fdat minn 21% aktar tal-poplu mill-Kap tal-PN.

More in Politika