Ripatrijazzjoni ta’ priġunieri barranin ... ‘Hemm kwistjonijiet loġistiċi u ta’ drittijiet umani’

Il-gazzetta ILLUM titkellem ma’ esperti u persuni li jaħdmu u li huma viċin il-priġunieri. X’jaħsbu dwar il-proposti tal-PN għall-ħabs? Fattibbli? Maħsuba tajjeb?

Il-Partit Nazzjonalista ppubblika sett ta’ proposti biex titjieb is-sitwazzjoni fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin wara ħidma mill-cluster tas-sigurtà, wieħed mill-gruppi li waqqaf il-PN biex jiddiskuti u joħroġ bi proposti f’setturi u oqsma varji. 

Id-dokument, bit-tema: ‘Għal Detenzjoni b’Dixxiplina u Dinjità,” jispjega kif apparti t-tnaqqis fil-popolazzjoni tal-ħabs, il-proposti jaħsbu għal kundizzjonijiet aktar umani għall-priġunieri, ambjent tax-xogħol aħjar għall-gwardjani u s-serħan tal-moħħ li s-sitwazzjoni fil-ħabs tkun aktar ikkontrollata.

Iżda lilhinn mill-Partit Nazzjonalista, x’jaħsbu l-esperti, dawk li jaħdmu direttament mal-priġunieri u dawk li tul is-snin investigaw u tkellmu ma’ residenti jew eks residenti tal-ħabs? Din hija l-ewwel parti tal-artiklu:

Saviour Formosa
Saviour Formosa

'Aktar mhu se jingħataw sentenzi, aktar se jiżdiedu n-numri fil-ħabs'

L-ILLUM tkellmet mal-kriminologu Saviour Formosa, partikolarment dwar il-proposti fuq l-estensjoni tal-ħabs u r-ripatrijazzjoni tal-priġunieri barranin.

Fl-aħħar rapport annwali dwar il-kriminalità f’Malta, Formosa kien spjega kif sal-25 ta’ Diċembru 2020, fil-ħabs kien hemm 868 priġunier u sa ftit ġimgħat qabel, jiġifieri sas-27 ta’ Novembru, kien hemm numru rekord ta’ 908 priġunieri. 62% tal-priġunieri kienu barranin.

Formosa beda jisħaq li mhux qiegħed jistenna li n-numru ta’ residenti fil-ħabs jonqos u dan mhux għax il-kriminalità qed tiżdied.

Se jiżdiedu, saħaq Formosa għax aktar mal-Prosekuzzjoni, il-Pulizija u l-Qorti jsiru effiċjenti, aktar se jingħataw sentenzi u għalhekk aktar hemm ċans li jkun hemm sentenzi ta’ priġunerija effettiva.

Apparti minn hekk, kompla Formosa, aktar ma tikber il-popolazzjoni u aktar ma jkun hawn opportuntajiet, aktar se jkun hawn kriminalità, kif jiġri meta jiżdiedu t-turisti.

Favur l-estensjoni tal-ħabs u tagging elettroniku

Għalhekk saħaq li hemm żewġ soluzzjonijiet u t-tnejn li huma qiegħed jipproponihom il-PN. L-ewwel waħda hija li jkun hemm estensjoni tal-ħabs preżenti jew tipi differenti ta’ ħabs u t-tieni waħda hija li jkun hemm sentenzi alternattivi, bħalma huma s-sentenzi sospiżi jew inkella t-tagging elettroniku.

Fakkar kif il-proposta tat-tagging elettroniku kien proponiha għall-ewwel darba hu snin ilu, meta fil-Gvern kien għad hemm il-Partit Nazzjonalista u fil-ħabs kien hemm madwar 200 priġunier.

‘Għandu jkun hemm deterrent ... ħabs ma għandux jagħlaq’

Minkejja dan, Formosa jisħaq li għandu jkun hemm deterrent u għalhekk ma jaqbilx ma’ min jargumenta li l-ħabs għandu jagħlaq. Insista li ma tistax taqta’ linja għall-kriminali kollha.

Anke jekk ma jaqbilx li jispiċċa l-ħabs, insista li hemm alternattivi oħra, bħalma huma l-Programm tar-RISe jew inkella sistemi ta’ ‘open prisons’ bħal fil-każ tal-Ġermanja u l-Fillandja (ara l-kumment ta’ Charles Mifsud), li jistgħu jkunu ta’ benefiċċju. 

‘Ripatrijazzjoni ta’ priġunieri barranin ... fejn se taqta’ linja?’

Dwar il-proposta tal-PN għar-ripatrijazzjoni tal-priġunieri barranin, Formosa kien xi ftit jew wisq xettiku. Saħaq li mhux faċli taqbad u taqta’ linja mhux biss minħabba kwistjonijiet loġistiċi imma anke minħabba kwistjonijiet ta’ drittijiet umani, fost oħrajn. 

Beda jistaqsi x’deterrent se jkollu kriminal barrani milli jwettaq reat f’Malta, jekk jaf li jekk se jinqabad, se jintbagħat f’pajjiżu fejn forsi, dak li jkun wettaq f’Malta, ma jgħoddx bħala reat.

Filwaqt li rrikonoxxa li hemm qbil bejn ċertu pajjiżi dwar dan, saħaq li pajjiż jeħtieġ ikun ċert li fejn se jintbagħat, priġunier ikun se jkompli jiskonta s-sentenza, iżda b’rispett lejn id-drittijiet umani tiegħu. Dawn mhux kullimkien huma mħarsa.

Qal li jkun hemm ċirkostanzi wkoll fejn l-awtoritajiet lanqas id-dettalji bażiċi ta’ priġunier ma jkollhom. “Lil dan fejn se taqbad tibagħtu?” kompla jistaqsi.

‘Qabel irid ikun hemm diskussjoni mal-esperti'

Kien hawn li staqsa wkoll fejn se tinqata’ l-linja. “Se tibgħat lil kulħadd. Lil kull min wettaq reat serju jew reat minuri? U min weħel sentenza sospiża, x’se tagħmel bih?”

Temm jisħaq li dwar din il-proposta hemm ħafna mistoqsijiet li jridu jiġu mwieġba. Appella biex qabel jinħarġu proposti bħal dawn, ikun hemm diskussjoni mal-esperti. 

‘Jeħtieġ jibda jsir xi ħaġa mill-bidu u mhux fl-aħħar tas-sentenza biss’

Dwar il-proposti tal-PN, partikolarment dik dwar akkomodazzjonijiet għall-priġunieri li jkunu waslu fl-aħħar tas-sentenza, għall-integrazzjoni mill-ġdid fis-soċjetà, il-gazzetta ILLUM tkellmet ma’ Charles Mifsud mill-Fondazzjoni RISe.

Mifsud saħaq li ma jistax ma jaqbilx ma’ din il-proposta meta ħames snin ilu, hu flimkien ma’ Dun Franco Fenech, eks kappillan tal-ħabs, kienu waqfu l-Fondazzjoni RISe u bdew jilqgħu priġunieri, li jkunu waslu biex jiskontaw is-sentenza, f’residenza fil-Belt Valletta biex jgħinhom jintegraw lura fis-soċjetà u jibdew jibnu ħajjithom qabel itemmu s-sentenza.

Fil-fatt, tista’ tgħid li din il-proposta ġiet ippruvata, b’Mifsud jisħaq li dak li beda bħala proġett pilota llum kiber għax ħalla suċċess.

“Kien suċċess u għalhekk irridu nibdew nagħtuh iżjed ħsieb u nibdew nattwawh b’aktar serjetà,” insista Mifsud.

Fil-fatt, mill-2016 ‘l hawn, għaddew mill-programm tar-RISe madwar 60 persuna.

“Ħadd minnhom ma ħareġ u sab ruħu bla saqaf fuq rasu jew inkella bla xogħol. Għalihom it-triq kienet faċli aktar minn min ħareġ direttament mill-ħabs,” insista Mifsud.

Fil-fatt, tul dawn is-snin, il-gazzetta ILLUM kellha diversi okkażjonijiet li titkellem mhux biss ma’ dawk li jmexxu l-programm imma anke mar-residenti infushom li spjegaw kemm il-Fondazzjoni għinithom biex reġgħu bnew ir-relazzjoni mal-familji tagħhom u anke biex sabu xogħol. 

“Hemm ħafna iżjed xi jsir,” insista Mifsud. “Irid jibda jsir xi ħaġa mill-bidu u mhux fl-aħħar snin tas-sentenza biss.”

Djar żgħar fil-komunit minflok ħabs tradizzjonali?

Spjega kif il-Fondazzjoni RISe hija membru wkoll tar-RESCALED Movement, li taħdem fuq livell Ewropew u fost oħrajn temmen li l-ħabs tradizzjonali għandu jispiċċa u minflok ikun hemm djar żgħar fil-komunità.

Mifsud saħaq li hemm pajjiżi, bħan-Norveġja, il-Belġju u anke l-Olanda li bdew jaħdmu fuq dan u qed ikollhom suċċess. Spjega kif fil-każ tan-Norverġja, ir-rata ta’ reċidività, naqset minn 90% għal 20% fi ftit snin u fl-Olanda ngħalqu xejn inqas minn 23 ħabs.

Qal li hemm ukoll pajjiżi li jħadnu l-kunċett ta’ ‘open prisons’ fejn fl-aħħar ftit snin tas-sentenza, il-priġunieri jitħallew joħorġu mill-ħabs biex, pereżempju, jmorru jaħdmu. 

‘Priġunier għandu jitlef biss il-libert u mhux id-dinjit

“Priġunier għandu jitlef biss il-libertà u mhux id-dinjità,” insista Mifsud. “Dawn il-pajjiżi marru għall-kunċett tar-rijabilitazzjoni u rintegrazzjoni.” 

Tkellem dwar l-importanza ta’ sentenzi alternattivi, fosthom dawk ta’ tagging elettroniku. Fil-fatt Mifsud jaqbel ukoll ma’ din il-proposta li qiegħed jagħmel il-PN u li l-Gvern diġà qal li qed jaħdem fuqha. 

Il-Partit Nazzjonalista qed jisħaq ukoll dwar l-importanza ta’ aktar kundizzjonijiet umani għall-priġunieri. Mifsud insista li dan huwa importanti, għax fi kliemu, priġunier għandu jkollu drittijiet daqs kull bniedem ieħor.

‘Hemm bżonn bidla fil-kultura qabel jinbidlu l-policies’

Spjega kif hemm pajjiżi wkoll fejn saħansitra għandhom assoċjazzjonijiet, indipendenti mill-gvernijiet, li jirrappreżentaw id-drittijiet tal-priġunieri.

“Bħalma hemm l-Ombudsman għaċ-ċittadini kwalunkwe, il-priġunieri jkollhom assoċjazzjoni li jmorru għandha jekk iħossu li d-drittijiet tagħhom ikunu qed jiġu miksura,” kompla jisħaq Mifsud.

Insista li aktar mill-kastig, wieħed irid jifhem il-bżonnijiet tal-priġunieri, biex ikun jista’ jindirizzahom u jassigura li malli jtemmu s-sentenza, ma jerġgħux jaqgħu għall-kriminalità.

Fuq kollox, Charles Mifsud saħaq li qabel bidla fil-policies, irid ikun hemm bidla fil-kultura, għax l-istigma għadha qawwija u mhux tgħin biex persuna terġa’ tintegra fis-soċjetà.

Id-disa’ proposti tal-Partit Nazzjonalista?

  • Estensjoni strutturali tal-faċilità attwali ta’ Kordin
  • Arrest preventiv għandu jkun l-eċċezzjoni għar-regola u jintuża biss f’każijiet mill-aktar serji
  • Nipprovdu postijiet aktar adegwati ta’ half-way houses u akkomodazzjoni b’superviżjoni li jkunu maħsuba għall-priġunieri li waslu fl-aħħar tas-sentenza tagħhom, anki għal intergazzjoni mill-ġdid aħjar fis-soċjetà
  • Nipprovdu trattament aktar xieraq lill-vittmi ta-vizzju tad-droga, ‘l bogħod mis-CCF, simili għal ‘Prison Inmate Programme’ li tmexxi l-Caritas
  • Ripatrijazzjoni tal-priġunieri barranin lejn pajjiżhom
  • Indaħħlu fis-seħħ leġiżlazzjoni dwar it-tagging elettroniku li permezz tagħha l-priġunieri jkunu jistgħu jservu s-sentenza tagħhom band’oħra minflok fis-CCF; dan jgħodd ukoll għall-persuni miżmuma b’arrest preventiv.
  • Niftħu unitajiet għall-ulied u l-ġenituri, simili għall-kunċett imħaddem fir-Renju Unit u fl-Italja biex jintlaqgħu l-priġunieri ġenituri u tingħata attenzjoni lill-ħtiġijiet ta’ ulied dawn il-priġunieri barra mill-Faċilita tas-CCF, anke għall-ġid ta’ dawk l-ulied.
  • Inwettqu riforma tas-sistema tal-parola biex aktar priġunieri jitħallew jagħżlu li jagħmlu riabilitazzjoni u riforma
  • Niżviluppaw il-kunċett ta’ parole abbażi ta’ anzjanità u saħħa fiżika, maħsuba għall-priġunieri li qed iġarrbu kundizzjonijiet serji.

It-tieni parti ta' dan l-artiklu se tkun ippubblikata għada

More in Politika