Issa uffiċjali: Malta tgħaddi mit-test tal-Moneyval - Tifħir għall-progress fil-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus

Il-Kunsill tal-Ewropa jfaħħar il-ħidma ta' Malta hekk kif tgħaddi mit-test tal-Moneyval, issa b'mod uffiċjali

Malta llum uffiċjalment għaddiet mit-test tal-Moneyval.  Ħabbar dan fi stqarrija il-Kunsill tal-Ewropa li faħħar il-progress li għamel pajjiżna fil-ġlieda kontra l-Ħasil tal-Flus.  

Il-Kunsill ħabbar li wara l-passi pożittivi li ħa l-Gvern Malti, pajjiżna ingħata rating differenti:  Minn "parzjalment konformi" għal "Konformi ħafna" mar-rakkomandazzjonijiet tal-FATF (Financial Action Task Force).

Kienet il-gazzetta ILLUM l-ewwel li indikat dan ir-riżultat pożittiv fi storja fuq il-faċċata tal-gazzetta lura f'Marzu  li għadda. 

Fi stqarrija jingħad illi Malta tejbet il-miżuri tal-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-iffinanzjar tat-terroristi, "billi uriet progress sinifikanti fil-livell ta' konformità mal-livelli rikjesti mill-FATF," skont rapport ippubblikat illum mill-Moneyval. 

L-istqarrija fakkret illi wara assesjar fl-2019 Malta kellha tirrapporta lil Moneyval.  Kienu instabu defiċjenzi fil-konformità teknika fir-rigward ta' miżuri preventivi, trasparenza ta' entitajiet legali, superviżjoni u kooperazzjoni internazzjonali.  Il-Moneyval eżaminat firxa ta' miżuri leġiżlattivi, regolatorji u istituzzjonali implimentati minn Malta.

"Malta irnexxielha tissodisfa l-aspettativa ġenerali illi indirizzat ħafna jekk mhux id-defiċjenzi kollha," qalet l-istqarrija tal-Kunsill tal-Ewropa.  Fakkret li għad hemm biss ftit defiċjenzi fl-implimentazzjoni ta' 28 rakkomandazzjoni fejn xorta Malta nstabet illi kienet "konformi ħafna."

Il-ħidma kontra każi ta' allegat ħasil ta' flus fl-aħħar xhur

Lura f'Novembru l-Pulizija interċettaw 36 vettura, €60,000 u 15-il persuna ġew arrestati f'jumejn b'rabta ma' ħasil ta' flus.  Apparti dan, ġew interċettati wkoll ammont konsiderevoli ta’ ġojjellerija u ħwejjeġ tad-ditta, apparat elettroniku li jinkludu fost oħrajn mobiles, kompjuters, servers u ammont kbir ta’ dokumenti li ġew analizzati.  Tnejn mill-ħames minn nies imressqin il-Qorti huma Gordon Debono u martu Yvette, fuq akkużi ta' ħasil ta' flus li jlaħħaq il-miljuni kbar ta' ewro.  Irriżulta li dawn it-tnejn huma marbutin ma' 11-il kumpanija.

Intant kienu tressqu l-Qorti wkoll, l-eks footballers Darren Debono u Jeffrey Chetcuti.   Arrestati wkoll b'rabta ma' dan il-każ u iktar riċenti kien hemm ukoll tfajla ta' 29 sena - li tiġi bint il-mara ta' Debono u eks Kap tal-Coporate Banking fil-BNF Bank, wieġbu mhux ħatja għall-akkużi diversi li saru fil-konfront tagħhom. 

Ġimgħat ilu tressqu 11-il persuna fosthom Keith Schembri, Brian Tonna, Karl Cini, Katrin Bondin Carter, Manuel Castgna  - minn Nexia BT - u Vince Buhagiar eks Chairman tal-Allied Newspapers, filwaqt li mistenni jitressaq ukoll Adrian Hillman.  Dawn ġew akkużati b'diversi reati differenti, fosthom frodi u ħasil ta' flus.

More in Politika