L-aħħar imbuttatura biex mill-1 ta' Ġunju jibda jopera l-fast ferry bejn il-gżejjer

Il-Ministri Ian Borg u Clint Camilleri jżuru x-xogħolijiet b'investiment ta' €2.5 miljun f'bini ta' terminals

Il-Ministri Ian Borg u Clint Camilleri żaru x-xogħlijiet li għaddejjin bħalissa bħala parti mill-investiment ta’ €2.5 miljun biex jinbnew terminals ġodda sabiex ikun jista’ jingħata bidu għas-servizz tal-fast ferry, kif inhu skedat għall-1 ta’ Ġunju.

Iż-żewġ ferry landing sites se jkollhom kabini fejn jinxtraw il-biljetti, waiting areas u toilets pubbliċi għall-passiġġieri. Tagħmir ta’ emerġenza biex tkun żgurata s-sigurtà tal-passiġġieri se jkun installat ukoll.

Il-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali Ian Borg iddeskriva s-servizz tal-fast ferry bħala pass ieħor ’il quddiem fl-infrastruttura marittima u turija oħra tal-viżjoni ħolistika ta’ dan il-gvern għat-trasport.

“Permezz ta’ dan l-investiment se nkunu qegħdin nagħtu spinta ’l quddiem l-infrastruttura marittima f’pajjiżna. Però mhux biss. Il-fast ferry ifisser inċentiv ieħor sabiex in-nies jużaw mezzi oħra ta’ trasport li huma aktar sostenibbli u nodfa bħalma hu t-trasport tal-baħar. Nemmnu li se jkun ukoll inċentiv li se jerġa’ jqajjem fuq saqajh il-prodott turistiku f’pajjiżna. Permezz tal-fast ferry investejna wkoll f’dawk il-mijiet ta’ studenti u ħaddiema Għawdxin li jivvjaġġaw ta’ kuljum lejn Malta għax-xogħol jew għall-Università."

Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri qal li x-xogħol fuq il-moll u t-terminal fl-Imġarr baqa’ għaddej bil-Ħdud ukoll sabiex ikun jista’ jitlesta fi żmien qasir.

"Dak li wegħedna se nkunu qegħdin inwettquh. Ninsabu ftit jiem ’il bogħod mill-ewwel vjaġġ bil-fast ferry u ħerqan sabiex nara wkoll l-ewwel turisti jaqsmu lejn Għawdex b’dan il-mezz.” 

Is-servizz tal-fast ferry se jkun qed iwassal lill-passiġġieri mill-Imġarr, Għawdex, sal-Belt Valletta f’inqas minn 45 minuta. Sa issa hemm żewġ operaturi kkonfermati li se joffru dan is-servizz. Dawn huma Gozo Fast Ferry u Virtu Ferries Fast Ferry.

 

More in Politika