Il-PN isejjaħ għar-riżenja jew it-tneħħija 'immedjata' tal-Ministru Carmelo Abela

Dan wara rapporti li l-Pulizija qed tinvestiga l-allegazzjonijiet li qed isiru fil-konfront tiegħu u l-attentat tas-serqa tal-HSBC fl-2010

Il-Partit Nazzjonalista talab għar-riżenja jew inkella t-tneħħija tal-Ministru fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru Carmelo Abela, wara l-aħħar rapporti li l-Pulizija qed jinvestigaw l-allegazzjonijiet li qed isiru fil-konfront tiegħu, b'rabta mal-attentat ta' serqa mill-kwartieri tal-HSBC f'Ħal Qormi fl-2010.

Waqt konferenza tal-aħbarijiet, il-kandidat tal-Partit Nazzjonalista Mark Anthony Sammut insista li l-allegazzjonijiet li qed isiru fil-konfront tal-Ministru huma serji ħafna, anke għax ir-reat inkwistjoni kien serju ħafna, fejn mhux biss kienet se ssir serqa, imma fejn il-ħallelin saħansitra kienu armati u sparaw tiri.

Sammut irrefera għar-rapporti li dehru lbieraħ fuq il-gazzetta MaltaToday u saħaq li l-Pulizija mhux biss qed jinvestigaw lill-Ministru imma saħansitra talbu lill-Qorti tatihom aċċess għax-xhieda li l-Ministru kien ta wara l-bibien magħluqa fl-2011.

"Ir-risposti li ta l-Ministru ma tantx iserrħulna moħħna. Kien qalilna li l-Pulizija qatt ma kellmuh. Illum nafu li mhux biss kellmuh imma xehed. Qalilna li nesa li xehed dwar dan il-każ. Nifhem li nesa x'qal jew x'libes dakinhar, imma li nesa li xehed f'każ bħal dan, aktar u aktar għax xehed wara l-bibien magħluqa, ma nemminx. Ħadd hemm barra ma jemmen lill-Ministru," insista Sammut.

Tenna li lilhinn mill-fatt jekk il-Ministru hux ħati jew le, il-pożizzjoni tiegħu mhijiex tenibbli.

"Ma jistax ikollna ministru fil-Gvern li qed jiffaċċja akkużi ta' din ix-xorta," saħaq Sammut.

Min-naħa tiegħu, il-Kelliem tal-Oppożizzjoni Beppe Fenech Adami saħaq li mkien, f'pajjiż demokratiku, ma jista' jkollok Ministru jpoġġi f'kabinett u li jkun iffaċċjat u investigat b'allegazzjonijiet dwar serqa u sparatura.

Insista li din is-sitwazzjoni hija "surreali" għax fi kliemu, ma jistax ikun li l-Ministru nesa li xehed dwar dan il-każ.

"Dan il-fatt biss huwa biżżejjed biex il-Ministru Carmelo Abela jirriżenja u jekk le, jitneħħa mill-pożizzjoni li qed jokkupa bħalissa," saħaq Fenech Adami.

Fakkar li fi żmien il-Gvern ta' Joseph Muscat, Abela kien Ministru responsabbli mill-Pulizija u kien għalhekk li staqsa jekk il-Ministru kienx informa lill-Prim Ministru li kien interrogat dwar dan il-każ.

"L-eks Prim Ministru Joseph Muscat kien jaf li l-Ministru Abela kien interrogat dwar dan il-każ?", staqsa Fenech Adami, waqt li kompla jistaqsi jekk il-Prim Ministru Robert Abela kienx jaf u jekk ħassux komdu xorta waħda jpoġġih Ministru.

Fenech Adami qal li Robert Abela juża kejl differenti meta jiġi biex jiddefendi l-Ministru tiegħu. Fakkar li kien Abela li ġiegħel lil Justyne Caruana tirriżenja minn Ministru għal Għawdex minħabba allegazzjonijiet fuq żewġha u "neħħa" lil Rosianne Cutajar minħabba investigazzjoni mill-Kummissarju għall-Istandards.

"Il-PM ma jistax jinħeba aktar wara l-argument li din kienet biss allegazzjoni li saret minn Jason Azzopardi jew mill-gazzetti," kompla jisħaq.

Fuq Facebok, Jason Azzopardi kien allega li l-Ministru kien imwiegħed €300,000 biex jipprovdi lill-ħallelin filmati u anke karti tal-aċċess. Abela qed jiċħad dawn l-akkużi.

F’dak iż-żmien, Abela kien jaħdem il-bank u kellu aċċess għat-tagħmir li bih isiru l-karti tal-aċċess li jkollhom l-impjegati. Il-Ministru kien ikkonferma dan hu stess meta kien qed jixhed fil-kumpilazzjoni tal-evidenza kontra l-ħallelin, lura fl-2011, anke jekk hu ma jiftakarx li għamel dan.

Kien Vince Muscat il-Koħħu u aktar tard Alfred Degiorgio li kienu allegaw li “Ministru preżenti” kien kompliċi f’din is-serqa.

Azzopardi kien qal ukoll li l-eks Deputat Mexxej Laburista Chris Cardona kien arrestat dakinhar stess tas-serqa, xi ħaġa li hu ċaħad kategorikament.

Aqra wkoll:

More in Politika