Sondaġġ | Fid-dinja tal-Youtube u n-Netflix kważi nofs iż-żgħażagħ Maltin taw daharhom għat-TV

F'sondaġġ xjentifiku magħmul minn Polar 49.4% taż-żgħażagħ Maltin, wieġbu li huma ma jarawx TV ...

Kważi nofs iż-żgħażagħ Maltin ma jarawx televiżjoni, forsi għax illum l-għażliet tant huma varji, permezz ta' Netflix, Youtube u l-midja soċjali in ġenerali li fuqha eluf ta' nies - speċjalment żgħażagħ -  iqattgħu eluf kbar ta' sigħat.  B'kollox fil-fatt, mistoqsijin jgħidu liema huwa l-istazzjon televiżiv illi l-aktar jaraw 49.4% ta' dawk bejn 16 u 35 sena wieġbu li ma jarawx TV, l-akbar persentaġġ fost l-etajiet kollha.  Dan jirriżulta f'sondaġġ xjentifiku tal-gazzetta ILLUM magħmul minn Polar.

Wara jiġu dawk ta' mezza età, bejn 36 u 55 sena illi fosthom 37.9% ma jsegwux it-televiżjoni, bl-aktar nies li jsegwu jkunu - kif mistenni -  dawk ta' etajiet anzjani fejn l-użu ta' apps u l-onlajn huwa ġeneralment inqas. Fil-fatt huma 25.8% ta' dawk bejn 51 u 65 sena li ma jarawx televiżjoni u 12% biss, ta' dawk 'il fuq minn 65 sena li jagħmlu l-istess. 

Ix-xandir nazzjonali l-aktar popolari f'kull età

L-istazzjon TVM - ix-xandir nazzjonali  - jibqa' l-aktar stazzjon popolari mal-Maltin u l-Għawdxin, ta' kull età hekk kif 32.3% tal-poplu jsegwi lilu. 

Dan filwaqt li huma 10.2% tal-parteċipanti f'dan is-sondaġġ li wieġbu illi jaraw l-aktar in-Net TV u 18% qalu illi jsegwu l-istazzjon ONE l-aktar. 

L-udjenza ta' TVM hija bejn 33% u 38% f'kull età u huwa dejjem l-aktar stazzjon popolari.  L-eqreb li jiġi huwa l-istazzjon tal-Partit Laburista fiż-żona tan-nofsinhar tal-Port (Bormla, Birgu, Isla, Kalkara, Ħaż Żabbar, Fgura, Marsa, Raħal Ġdid ...) fejn 20% qalu li jaraw l-aktar il-ONE (27%  - TVM).

Il-parteċipanti li jgħixu fit-Tramuntana tal-Port (Tas-Sliema, San Ġiljan, Swieqi, Birkirkara, Ħamrun, Ħal Qormi...) huma l-aktar li qalu illi jaraw it-TVM b'40.8%. 

Skont dan is-sondaġġ xjentifiku l-aktar li wieġbu illi jaraw il-ONE huma dawk li jgħixu fix-xlokk tal-pajjiż (Birżebbuġa, Marsaxlokk, Żurrieq, iż-Żejtun, Ħal Għaxaq ....) b'20.4%, filwaqt li l-inqas huma dawk fit-tramuntana (San Pawl il-Baħar, il-Mellieħa, Naxxar, Mosta ...) b'9.2%. 

Skont dan l-istess sondaġġ xjentifiku l-aktar li jaraw l-istazzjon tal-Partit Nazzjonalista huma l-Għawdxin - imma b'13.4% u l-inqas dawk li jgħixu fil-Punent (Rabat, Ħad Dingli, Ħaż Żebbuġ, is-Siġġiewi, Ħ'Attard u Ħal Balzan...) b'3.9%. 

Interessanti illi dawk li jgħixu fil-Punent huma l-aktar parteċipanti li qalu illi ma jarawx televiżjoni b'40%, segwiti mill-parteċipanti fit-Tramuntana b'38.6% u warajhom dawk mix-xlokk tal-pajjiż bi kważi 33%.

Fuq livell ta' edukazzjoni, dawk b'edukazzjoni terzjarja huma l-aktar parteċipanti li ma jarawx televiżjoni b'48%, segwiti minn dawk b'edukazzjoni post-sekondarja b'40.7%.

L-attivisti tal-PN u tal-PL isegwu l-ONE u n-Net?

Filwaqt li huwa naturali u ovvju li n-Net huwa segwit minn Nazzjonalisti u l-ONE mil-Laburisti, fil-fatt il-maġġoranza ta' dawk li vvutaw PN fl-2017 ma jsegwux in-Net l-aktar u l-maġġoranza ta' dawk li vvutaw PL fl-2017 ma jsgwux il-ONE l-aktar. 

Minkejja dan, b'34% il-votanti tal-PL fl-2017 aktar jaraw il-ONE milli jaraw it-TVM (30.7%).  Minn naħa l-oħra b'23.8%, inqas votanti tal-PN fl-2017 jaraw in-Net milli jaraw it-TVM (31.8%). 

Kważi 1% ta' dawk li vvutaw lil-Labour fl-aħħar elezzjoni ġenerali wieġbu illi l-aktar li jaraw huwa n-Net, l-istazzjon tal-PN, filwaqt illi 1.8% ta' dawk li vvutaw lill-PN fl-2017 qalu illi l-aktar li jaraw huwa l-ONE, l-istazzjon tal-Partit Laburista.  Dawn l-ammonti huma fil-marġini ta' żball ta' dan is-sondaġġ. 

Intant ammonti żgħar ħafna qalu illi l-aktar li jaraw huma l-istazzjonijiet Maltin Favourite Channel (0.6%) u inqas minn hekk Smash TV (0.3%). 

Miż-żewġ stazzjonijiet Taljani li ssemmew 7% qalu illi jaraw l-aktar l-istazzjon Canale 5, bl-akbar persentaġġi jintlaħqu fost dawk li għandhom bejn 51 u 65 sena (10.8%) u dawk li jgħixu fit-Tramuntana tal-Port (10%). Intant 3% - inqas mill-marġinu ta' żball - qalu li jsegwu ir-Rai Uno l-aktar.

More in Politika