Il-Kurja tgħid li l-festi interni jistgħu jsiru skont il-miżuri; Purċissjonijiet isiru meta jingħata l-permess

Il-ġimgħa li għaddiet, id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne kien qal ċar u tond li f'dan is-sajf, il-festi kien imdorrija bihom ma jistgħux isiru għax huma meqjusa bħala attivitajiet tal-massa

Il-Kurja tal-Arċisqof, fi stqarrija qasira ta' żewġ paragrafi qalet li matul is-sena 2021, il-festi parrokjali u festi oħra reliġjużi li jsiru ġewwa l-bini tal-Knisja, jistgħu jiġu ċċelebrati fil-ġranet tas-soltu u b'rispett lejn il-miżuri indikati mill-Awtoritajiet tas-Saħħa.

Dwar ċelebrazzjonijiet barra l-Knisja li huma organizzati minnha, bħalma huma l-purċissjonijiet, il-Kurja qalet li dawn isiru biss "jekk, fejn u meta," ikun hemm l-awtorizazzjoni tal-awtoritajiet tas-saħħa.

Il-ġimgħa li għaddiet, id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne kien qal ċar u tond li f'dan is-sajf, il-festi kien imdorrija bihom ma jistgħux isiru għax huma meqjusa bħala attivitajiet tal-massa.

Madanakollu kien qal li se ssir laqgħa mal-Kurja dwar il-festi anke biex isiru dawk l-affarijiet li jistgħu jiġu organizzati skont il-miżuri tal-awtoritajiet tas-saħħa.

Mhux magħruf jekk il-Kurja hux se tkun qed tagħti aktar direzzjoni dwar iċ-ċelebrazzjonijiet interni. Is-sena li għaddiet il-festi interni setgħu jiġu ċċelebrati f'ġurnata waħda biss, mingħajr l-ebda jiem ta' preparazzjoni. 

Hu mifhum li din is-sena, iċ-ċelebrazzjonijiet interni, bħalma huma n-noveni, it-tridu u ċelebrazzjonijiet oħra se jkunu jistgħu jsiru, bl-attendenza fil-knisja tkun limitata skont il-miżuri li qed jiġu segwiti għaċ-ċelebrazzjoni tal-Quddiesa.

More in Politika