Il-PN bi protest wara li mart Bernard Grech ma kinitx mistiedna ma' Lydia Abela waqt il-programm Serataron

Il-programm ta' nhar il-Ġimgħa kien wieħed speċjali fl-okkażjoni ta' Jum l-Omm

Il-Partit Nazzjonalista ressaq protest quddem il-Public Broadcasting Services u anke mal-Awtorità tax-Xandir wara li mart il-Prim Ministru kienet mistiedna għall-programm Serataron imma l-istess stedina ma saritx lil mart il-Kap tal-Oppożizzjoni.

"Kemm ilu Robert Abela Prim Ministru l-iżbilanċ fix-xandir tal-istat żdied, tant li l-Partit Nazzjonalista għamel ammont ta’ protesti mal-PBS u l-awtorità tax-Xandir minħabba żbilanċ ċar fix-xandir." Hekk saħqu l-Kelliem tal-Partit Nazzjonalista David Thake u l-kandidat għall-elezzjoni ġenerali Francine Farrugia, waqt konferenza tal-aħbarijiet dalgħodu.

Fl-ilment tiegħu s-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista Francis Zammit Dimech qal li l-programm Serataron li xxandar nhar il-Ġimgħa filgħaxija, kif xieraq, kien qed ifakkar Jum l-Omm. Għal dan il-programm kienet mistiedna mart il-Prim Ministru Lydia Abela imma fl- istess programm ma kinitx mistiedna AnneMarie Grech, mart il-Kap tal-Oppożizzjoni.

Fil-protest, Zammit Dimech fisser li dan l-iżbilanċ kiser b’mod mill-aktar ċar il-kostituzzjoni u dan f'tema li, fi kliemu, suppost tattira l-għaqda nazzjonali. Il-Partit Nazzjonalista qed jitlob rimedju.

Waqt il-konferenza, David Thake saħaq li x-xandir pubbliku huwa imħallas minn flus il-poplu u għalhekk m’huwiex aċċettabbli li dan jinbidel f’arma partiġġjana għall-gvern tal-ġurnata. 

Francine Farrugia qalet li x-xandir tal-istat qed iwassal stampa li turi biss dak li jrid il-Gvern filwaqt li taħbi l-veritajiet li mdawwar bihom il-poplu Malti u Għawdxi.

Sostniet li hu fi dmir tax-xandir nazzjonali li jagħti l-istampa sħiħa u mhux ikun għodda tal-Gvern li tgħarbel u turi dak biss li jrid Robert Abela u sħabu.

More in Politika