L-aħwa Degiorgio jmorru l-Qorti Kostituzzjonali wara li ġew miċħuda l-maħfra presidenzjali

Qed jisħqu li fil-Gvern hemm kunflitt ta' interess għax huma qed isemmu eks Ministru li kien involut fl-assassinju u ministru preżenti mdaħħal f'reati oħra

L-aħwa George u Alfred Degiorgio ħadu l-każ tagħhom quddiem il-Qorti Kostituzzjonali wara li l-Gvern u l-President tar-Repubblika ma laqgħux it-talba tagħhom biex jingħataw il-maħfra presidenzjali.

Huma qed ikunu akkużati bil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia. Seħibhom, Vince Muscat il-Koħħu, wieġeb ħati bħala parti minn patteġjament u ngħata sentenza ta’ 15-il sena ħabs. 

Huwa ngħata l-maħfra presidenzjali dwar il-qtil tal-Avukat Carmel Chircop u kixef l-involviment ta’ Adrian u Robert Agius u anke ta’ Jamie Vella, fiż-żewġ omiċidji.

George u Alfred Degiorgio qed jitolbu lill-Qorti biex tirrikonoxxi li l-Kabinett abbuża mill-poter tiegħu meta ċaħad din it-talba tagħhom.

Iridu li jixhdu l-eks Ministru Chris Cardona li qed ikun implikat fl-ewwel pjan biex tinqatel Daphne u anke l-Ministru Carmelo Abela li Vince Muscat qed jisħaq li kien involut magħhom fis-serqa li falliet mill-kwartieri ġenerali tal-HSBC fl-2010.

L-aħwa qed jisħqu li l-Gvern ma jistax jiddeċiedi fuq il-maħfra tagħhom minħabba l-fatt li huma lesti jikxfu “eks ministru tal-Gvern” li fi kliemhom huwa l-mandant tal-assassinju.

L-Avukat William Cuschieri, li qed jidher għall-akkużati, qed jgħid ukoll li l-aħwa ma rċevew l-ebda kommunikazzjoni fuq it-talba li għamlu huma u saru jafu mill-midja li l-Kabinett ma aċċettax il-maħfra.

Fakkar li fil-każ ta’ Melvin Theuma u anke ta’ Vince Muscat, qabel ma ttieħdet id-deċiżjoni, il-Pulizija semgħet x’kellhom xi jgħidu. Għalhekk saħaq li l-preżentazzjoni li l-Kummissarju tal-Pulizija u li l-Avukat Ġenerali taw lill-kabinett, kienet “abbużiva.”

Insista wkoll li ma kienx jagħmel sens lil l-Kabinett jingħata dan il-parir meta l-akkużati ma ngħatawx ċans ta’ “smigħ ġust.”

Qed jisħqu wkoll li hemm kunflitt ta’ interess min-naħa tal-Gvern u li dan irid li l-aħwa Degiorgio jinstabu ħatja mingħajr ma  jisma’ dak li għandhom xi jgħidu.

Fakkru li huma għandhom “għarfien dirett” dwar eks ministru u sensar ieħor li kienu involuti fl-assassinju u minsitru preżenti li kien involut f’reati oħra.

More in Politika