'Fl-ebda port ma għadu aċċettabbli li l-vapuri jibqgħu mixgħulin bid-dħaħen ħerġin 24 siegħa kuljum'

It-Tabib Joseph Tonna jesprimi tħassib dwar l-impatt negattiv ta' nuqqas ta' faċilità ta' ship-to-shore fil-port u jgħid li l-inċidenza tal-ażma fost il-poplu tal-Kottonera qed tiżdied ...

"Fl-ebda port ma għadu aċċettabbli llum li vapuri jibqgħu mixgħulin b'generators... ma tagħmilx sens. Kuljum preċett mixgħulin iċ-ċmieni tal-vapuri ġo fina, 24 siegħa kuljum.  Jiena dilettant tal-baħar u għandi lanċa ħdejn il-Maċina, dejjem insib qishom partiċelli fuq il-fibre.  Tarahom jiġifieri!  Aħseb u ara x'inhu dieħel fil-pulmun tagħna." 

Hekk sostna Joseph Tonna - tabib mill-Isla, li għalkemm m'għadux joqgħod fil-belt,  ilu jipprattika għal 37 sena fl-istess lokalità  - meta tkellem mal-gazzetta ILLUM dwar vapuri li qed jitħallew mixgħulin b'generators fit-Tarzna bil-konsegwenza li qed joħroġ duħħan miċ-ċmieni ta' dawn l-istess vapuri.  Id-duħħan ġeneralment jispiċċa kollu fl-arja taż-żona - fost l-aktar densa u popolata f'Malta.

"Ħa nkun ċar.  Aħna ġid irridu u m'għandniex problemi bit-Tarzna. Aħna trabbejna bit-tarzna ħdejna u missieri ħadem għomru t-tarzna, minn meta kien għad kellu 15-il sena," sostna Tonna.  Huwa kompla jgħid iżda li dak illi qed jitlob hu flimkien ma' diversi residenti u l-għaqda Azzjoni:  Tuna Artna Lura, li tirrapreżenta lir-residenti tal-Kottonera, huwa li fil-port jintuża l-kunċett tax-ship-to-shore. 

Tonna sostna illi huwa importanti ħafna li dan il-kunċett - li qed ikun diskuss għall-Port Ħieles f'Birżebbuġa - ikun introdott ukoll fil-Port il-Kbir.

Bħalissa, il-vapuri tal-passiġġieri u anke tal-merkanzija li jidħlu l-Port il-Kbir jużaw fjuwil li jkun  ġej miż-żejt biex iħaddmu l-inġenji tagħhom u għall-bżonnijiet elettriċi tagħhom.

Tonna jgħid li t-tobba tal-Kottonera qed jinnutaw li matul is-snin dejjem qed jiżdiedu dawk ir-residenti ta' Bormla, il-Birgu, l-Isla u l-Kalkara li qed ikollhom problemi bħal ażma 

Joe Tonna
Joe Tonna

Daqs 300,000 karozza bejn M'Xlokk u ċ-Ċirkewwa

Skont rapport Ewropew li sar fl-2015 jingħad li vapur tal-passiġġeri wieħed li jkun sorġut fil-Port il-Kbir għal tmien sigħat jipproduċi tniġġiż ekwivalenti għal 300,000 karozza li jkunu qed isuqu bejn iċ-Ċirkewwa u Marsaxlokk.

F'artiklu li kien ippubblikat fuq is-sit illum.com.mt fi Frar li għadda s-Segretarju Parlamentari Stefan Zrinzo Azzopardi qal illi wara talba li saret minn pajjizna, ingħatajna fondi biex ikun hemm alternattiva għall-użu taż-żejt meta l-vapuri jkunu sorġuti fil-Portijiet. "Dawn il-fondi se jintużaw f’dik magħrufa bħala l-faċilita ship-to-shore biex il-vapuri jużaw l-elettriku mill-grid tal-pajjiż u b’hekk ikunu jistgħu jitfu l-magni tagħhom waqt li jkunu fil-port. Fil-każ tal-Port il-Kbir, dan se jwassal għal tnaqqis drastiku fil-livell ta’ emmissjonijiet fl-ibliet u l-irħula tal-madwar," kien qal Zrinzo Azzopardi.

Tonna qal li hu jiftakar żmien fejn in-nies kienu jqumu u jsibu n-nugrufun fuq il-ħwejjeġ, imma jgħid li dak iż-żmien ftit li xejn kien hawn kuxjenza dwar il-ħsara li xi ħaġa hekk tista' tagħmel lis-saħħa.  "Dak iż-żmien iktar kienu jkunu inkwetati minħabba l-ħwejjeġ.  Illum għandna aktar għarfien u informazzjoni dwar l-impatt li dħaħen simili jkollhom fuq is-saħħa."

It-Tabib Joseph Tonna appella biex il-poplu tal-Kottonera ma jibżax jitkellem sempliċiment għax il-kumpanija qed tagħti sponsorships lil għaqdiet tal-lokal.  Filwaqt li qal li dan ma fih xejn ħażin, jisħaq illi ħadd ma għandu jiddejjaq jitkellem fuq materji ta' saħħa.

"Qed naraw sa xiber imneħirna, ħadd ma jitkellem!  Jiena lest niltaqa' mal-Ministru Miriam Dalli u nkellimha u nixtiqha tiġi u tara b'għajnejha stess iċ-ċumnija għaddejja l-ħin kollu, 24 siegħa kuljum," temm jgħid mal-ILLUM Tonna. 

L-NGO Azzjoni:  Tuna Artna Lura nhar it-3 ta' Diċembru 2020 kienet sostniet illi l-MSC Splendida kienet ilha fil-port għal 40 jum, bil-magni jaħdmu 24 siegħa kuljum, dan "minkejja li l-UE qed tinsisti li jkun hemm teknoloġija shore-to-ship fil-portijiet kollha Ewropej."

L-NGO qalet illi kwalità tal-arja fil-Kottonera, speċjalment viċin it-Tarzna ta' Palumbo, hija "ħażina ħafna u f'ċerti żoni il-ħwejjeġ saħansitra jitilfu l-kulur tagħhom minħabba t-tniġġis."

Lura f'Lulju tas-sena l-oħra MSC Cruises u Palumbo Group ħabbru li ingħaqdu flimkien biex joperaw it-Tarzna.  MSC Cruises - kumpanija ta' fama internazzjonali -  saret sieħeb ugwali mal-Palumbo

More in Politika