Imut il-Malti li marad bil-Covid-19 fl-Indja; Kellu jitwassal f'Malta aktar tard illum

Fl-Indja qed ikunu rreġistrati aktar minn 300,000 każ f'ġurnata

Il-Malti ta’ 47 sena li marad bil-Covid-19 fl-Indja miet ftit qabel qabad l-ajruplan (air ambulance) li kellu jwasslu lura Malta llejla.

Ir-raġel kien jinsab fl-Indja, flimkien ma' martu biex jadottaw tifla.

Il-koppja kienu ilhom mill-bidu ta' dan ix-xahar fl-Indja, madanakollu fl-aħħar jiem il-każi tal-Covid-19 f'dan il-pajjiż splodew.

Fil-fatt, għal dawn l-aħħar jiem, kienu qed ikunu rreġistrati aktar minn 300,000 każ f'ġurnata. L-isptarijiet jinsabu mimlija u hemm nuqqas kbir ta' ossiġnu.

Hu mifhum li anke l-mara għandha l-Covid-19. 

L-Erbgħa li għadda, Identity Malta qalet li kienet se tħallas għall-ispiża biex jinkera ‘air ambulance’ biex iġġib lill-koppja u lit-tifla f'Malta.

Fi stqarrija, l-awtoritajiet tas-saħħa Maltin bagħtu l-kondoljanzi lill-qraba u qalu li se jkunu qed iżommu kuntatt magħhom f’dan il-mument diffiċli.

More in Politika