Il-President jappella lill-Imħallfin ġodda biex ma jħallu xejn jinfluwenza d-deċiżjonijiet tagħhom

Fil-Palazz ta’ Sant’Anton, ħadu l-ġurament tal-ħatra l-Imħallfin Audrey Demicoli, Christian Falzon Scerri, Ian Spiteri Bailey u Neville Camilleri

“Din hija ġurnata sinifikanti wkoll għal pajjiżna hekk kif permezz ta’ din il-ħatra qed tkompli tissaħħaħ il-ġudikatura li hija waħda mill-pedamenti tad-demokrazija u mill-garanzija tal-istat tad-dritt,"  

Hek qal il-President ta’ Malta George Vella waqt li iċ-ċerimonja tal-ġurament tal-ħatra ta’ erba’ mħallfin ġodda.

Fil-Palazz ta’ Sant’Anton, ħadu l-ġurament tal-ħatra l-Imħallfin Audrey Demicoli, Christian Falzon Scerri, Ian Spiteri Bailey u Neville Camilleri. 

F’diskors tal-okkażjoni, il-President George Vella feraħ lill-imħallfin il-ġodda għal din il-ħatra u fisser kif il-poplu Malti ser ikun qed iserraħ fuq l-għaqal u d-dehen tagħhom biex ikomplu jitħarsu l-Kostituzzjoni, il-liġijiet ta’ pajjiżna kif ukoll l-interessi ta’ kulħadd.

Filwaqt li stqarr li m’għandux dubju li l-imħallfin rispettivi ser ikunu qed jaqdu dmirijiethom fl-akbar sens ta’ responsabbiltà u professjonalità, fisser li huwa biss bl-imparzjalità li tista’ tinkiseb il-ġustizzja. 

Il-President ħeġġeġ biex fil-ħidma tagħhom, l-imħallfin ma jħallu xejn jinfluwenza d-deċiżjoni li jkunu mistennija jieħdu hekk kif minnhom wieħed jistenna indipendenza sħiħa. Temm billi fakkar li quddiem għajnejhom għandhom iżommu l-poplu li għalih huma eżempju ta’ korrettezza, etika u onestà.

Preżenti għaċ-ċerimonja tal-ħatra kien hemm il-Prim Ministru Robert Abela, il-Ministru għall-Ġustizzja, l-Ugwaljanza u l-Governanza Edward Zammit Lewis, l-Avukat tal-Istat Chris Soler u l-Prim Imħallef Mark Chetcuti.

More in Politika