ll-GTA tappella lill-Gvern biex ineħħi r-restrizzjoni imposta għall-btajjel f'Għawdex

L-Assoċjazzjoni Għawdxija għat-Turiżmu appellat ukoll biex it-tilqima tingħata minnufih lill-bqija tar-residenti Għawdxin li jaħdmu fis-settur tat-turiżmu 

L-Assoċjazzjoni Għawdxija għat-Turiżmu appellat lill-Gvern biex jiftaħ lil Għawdex għat-turiżmu domestiku jew almenu jħabbar data meta l-Maltin se jitħallew jaqsmu l-gżejjer għal btala.

Fi stqarrija, l-Assoċjazzjoni saħqet li dan ikun qed jagħti ftit tan-nifs lill-operaturi tat-turiżmu, b’mod partikolari lil dawk fis-settur tal-akkomodazzjoni, bil-għan li jkunu jisgħu jibdew jikkonfermaw bookings għall-ġimgħat li ġejjin.

Insistiet li dan ukoll jagħti ċ-ċans lill-operaturi biex ikunu jistgħu jagħmlu l-arranġamenti u t-tħejjijiet kollha li huma neċessarji biex jerġgħu jibdew joperaw.

Filwaqt li faħħret ukoll il-programm tat-tilqim, l-Assoċjazzjoni qalet li qed tappella lill-awtoritajiet tas-saħħa biex jieħdu l-miżuri kollha neċessarji biex it-tilqima tingħata minnufih lill-bqija tar-residenti Għawdxin li jaħdmu fis-settur tat-turiżmu.

Insistiet li dan jibgħat il-messaġġ li Għawdex huwa destinazzjoni sigura għall-btajjel filwaqt li jżid il-kunfidenza tat-turisti.

More in Politika