L-MUMN tisħaq li l-isptar Mount Carmel ġie 'abbandunat' u li s-sitwazzjoni mhijiex aċċettabbli

L-MUMN tgħid li ngħalqu tmien swali għax l-ebda investiment qatt ma mmaterjalizza u li aħbarijiet dwar xogħlijiet ta' manutenzjoni huma biss 'fake news'

Il-Unjin Maltija għall-Infermiera u l-Qwiebel (MUMN) fi stqarrija wriet it-tħassib u d-diżappunt tagħha għal fatt li, fi kliemha, l-abbandun f'dan l-isptar qed iwassal biex jingħalqu aktar swali għad-detriment tal-pazjenti.

Insistew li l-ħaddiema u l-pazjenti qed jgħixu jew jaħdmu fi sptar li ġie abbandunat. Saħqu li s-sitwazzjoni mhijiex aċċettabbli u insistew li għal kuntrarju ta' dak li qed jipprova jgħid il-Ministeru għas-Saħħa, ma sar l-ebda xogħol ta' manutenzjoni.

Saħansitra ddeskriviet ix-xogħlijiet ta' manutenzjoni u l-aħbarijiet dwar investiment, bħala 'fake news.'

'L-MUMN tista' tassigura lill-midja u lill-pubbliku inġenerali li l-ebda investiment qatt ma mmaterjalizza ħlief għar-rilokazzjoni ta' pazjenti kroniċi fi djar tal-anzjani li ma għandhom l-ebda esperjenza għall-kura tas-saħħa mentali," kompliet il-unjin.

L-MUMN qalet ukoll li fl-aħħar tmien snin, għalqu xejn inqas minn tmien swali għax f'dawn qatt ma sar l-ebda xogħol. Insistew li uħud minn dawn is-swali ilhom sitt snin magħluqa.

L-infermiera qalu wkoll li din is-sitwazzjoni qed twassal ukoll biex pazjenti kroniċi u oħrajn b'mard aktar serju qed jiġu mħallta flimkien u saħqu li dan imur kontra l-prattiċi tal-kura psikjatrika.

Qalu wkoll li ħafna drabi, it-tmexxija lanqas qed ikollha biżżejjed sodod għal persuni li jkollhom bżonn jiġu rikoverati fl-isptar. 

"Filwaqt li sptarijiet oħra bħal SVP huma kapaċi jirranġaw sala f'sena, fl-isptar Mount Carmel, kull sala li tagħlaq, ma terġax tinfetaħ," insistew il-unjin.

Fil-fatt, skont l-MUMN, din il-ġimgħa għalqet sala oħra u mistennija jingħalqu aktar swali fil-ġimgħat li ġejjin.

More in Politika