Assassinju Daphne | Dawk li kienu fil-qalba ta' tliet snin u nofs ta' xhieda, arresti u żviluppi

Kienu tliet snin u nofs straordinarji fir-rigward tal-assassinju ta' Daphne Caruana Galizia li komplew jikkulminaw fil-ħtija tal-Koħħu u l-arrest tal-Maksar.  L-ILLUM tagħti ħarsa ħafifa lejn dawk li kienu fil-qalba ta' dak kollu li ħareġ sa issa ...

Ritratt  | James Bianchi
Ritratt | James Bianchi

Il-ġimgħa li għaddiet Malta kellha żviluppi kbar u ta' ċerta portata fil-każ tal-assassinju ta' Daphne Caruana Galizia.  Dan il-każ li tefa' dawl ikrah fuq pajjiżna, poġġa l-istituzzjonijiet taħt stress enormi u naturalment żviluppa f'wieħed mill-aktar każi straordinarji u xokkanti li kellna fl-aħħar snin, kellu diversi "atturi" prinċipali u kruċjali. 

Hekk kif il-kobba tidher li qed tiżżarma biċċa, biċċa tliet snin u nofs wara l-assassinju, din il-gazzetta qed tagħti ħarsa lejn il-personaġġi ewlenin li sa issa ssemmew direttament u b'mod prominenti fl-iżviluppi kollha ta' din it-triq għall-ġustizzja! 

Yorgen: L-intraprenditur Yorgen Fenech jinsab fiċ-ċentru tal-każ tal-qtil tal-ġurnalista u qed ikun akkużat li huwa l-mandant ta' dan il-qtil, anke jekk Fenech jiċħad dan. Fenech kien arrestat il-Portomaso u f'dawn is-snin sirna nafu li kellu kuntatti fondi mal-poteri kollha tal-pajjiż:  Kellu Whatssapp Chats mal-Prim Ministru u Keith Schembri, kien ħabib "kbir" tal-istess Schembri u kellu kuntatti ma' diversi Ministri (Edward Zammit Lewis, Rosianne Cuatajr ...).  Kellu wkoll kuntatti ma' nies mill-Oppożizzjoni fosthom Pierre Portelli (dak iż-żmien Kap tal-Midja tal-PN) u Adrian Delia. 

Melvin Theuma kien qal illi Fenech għalih kien il-mandant għax hu dejjem kien jifthiem miegħu dwar il-pass li jmiss f'dan l-assassinju.  Jirriżulta li kien qallu li ried joqtol lil Caruana Galizia għaliex kienet se toħroġ storja fuq zijuh Ray, iżda maż-żmien irriżulta li Fenech kien is-sid ta' 17 Black.  Din il-kumpanija fid-Dubaj kienet marbuta mal-kumpaniji fil-Panama ta' Keith Schembri u Konrad Mizzi li fihom - turi email ta' Nexia BT - kellhom jidħlu flus mill-Ażerbajġan u mill-Aġent Lokali tal-Power Station il-ġdida, proġett mmexxi minn Konrad Mizzi u li tagħha Yorgen Fenech kien Direttur.  Dan apparti li reġa' ssemma' fil-każ tal-Windfarm fil-Montenegro u x-xiri tiegħu mill-Enemalta għal €10 miljuni aktar milli xtratha Cidifex.  Madwar €4 miljuni huwa rrappurtat illi daħlu f'17 Black. 

Fost il-ħafna informazzjoni interessanti illi Theuma kien ta fix-xhieda, darba kien qal illi Fenech kien waqqaf il-pjan tal-assassinju u reġa' bdieh biss wara li għaddiet l-elezzjoni tal-2017.  

Keith Schembri:  L-eks Chief of Staff fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru Keith Schembri qatt ma ġie akkużat b'mod dirett fil-każ imma Yorgen Fenech kien qal lill-pulizija fl-interrogazzjoni ftit wara l-arrest tiegħu, illi Schembri kien il-mandant ta' dan il-qtil u kien ħallas sa €80,000 għal dan l-assasinju.  Hu kien saħansitra qal li Schembri kien kontinwament iħeġġu biex iħaffef il-pass u jgħaġġel il-proċess sabiex tinqatel il-ġurnalista.  Schembri dejjem ċaħad xi forma ta' involviment, anke jekk bosta jippuntaw is-swaba' lejh minħabba li Caruana Galizia - apparti li kienet irrapportat dwar kanċer li kellu - kienet qed tikxef ħafna dettalji dwar il-proġett tal-Power Station, il-proġett tal-VGH u diversi oħrajn, ilkoll b'xi mod jew ieħor kellhom lil Keith jew Konrad mdaħħlin fihom. 

Melvin Theuma: Theuma kien is-sensar tal-qtil u minħabba li kien żamm rekordings ta' diversi konverżazzjonijiet li kellu ma' Yorgen Fenech kien meqjus bħala xhud ewlieni f'dan il-każ.  Għalhekk ingħata l-Maħfra Presidenzjali mill-Gvern tal-PM Joseph Muscat biex jikxef aktar dwar il-każ.

 Fix-xhieda tiegħu ħarġet ħafna informazzjoni dwar dak li kien jgħidlu Fenech, fosthom dwar l-eks Ministru u eks Deputat Mexxej Laburista Chris Cardona.  Theuma kien instab fid-dar tiegħu bejn ħajja u mewt wara diversi daqqiet ta' sikkina fl-istonku, wara dak li l-pulizija qalu illi kien attentat ta' suwiċidju.  Kważi b'miraklu Theuma salva u issa qed ikompli jagħti x-xhieda tiegħu. 

Theuma kien l-uniku wieħed mill-akkużati u l-implikati, li fil-fatt iltaqa' ma' Daphne fuq bażi informali qabel l-assassinju, meta kien wassalha bit-taxi tiegħu - li kienet tkun  Portomaso - u ma talabhiex flus. 

Chris Cardona: L-eks Ministru Laburista tela' ismu fl-investigazzjoni erba' darbiet.  L-ewwel darba li ssemma kien minn Theuma li qal illi n-numru tal-mowbajl ta' Cardona kien l-uniku wieħed li nstab fuq il-'burner phones' użati mit-tliet irġiel akkużati bil-qtil ta' Caruana Galizia.  Kien irrapportat iżda li dan ma kienx minnu minn mezzi tax-xandir differenti. 

It-tieni darba ssemma' mill-ġdid minn Theuma f'xhieda pjuttost splussiva.  Din ix-xhieda iżda dejjem torbot fuq dak li qallu Yorgen Fenech.  Theuma qal li Fenech qallu, li Cardona kien ħallas €350,000 għall-qtil ta' Caruana Galizia u kien għadda dawn il-flus permezz ta' Tony "Il-Biglee". 

Iżda imbagħad kien hemm ukoll ittra li nqrat waqt il-laqgħa famuża tal-Kabinett li damet għaddejja sal-ħinijiet bikrin ta' filgħodu, fl-eqqel tal-kriżi politika tal-2019, u li fiha l-qtil tal-ġurnalista tpoġġa f'ħoġor Cardona. Cardona ċaħad u qal illi min hu ħati qed jipprova jagħmel frame-up kontrih. 

Intant ftit jiem ilu biss Cardona reġa' kien implikat għar-raba' darba meta The Times żvelat kif il-Koħħu qal lill-Pulizija li l-eks Ministru kien imdaħħal fi pjan għal assassinju fl-2015, liema pjan kien abortit. Cardona ċaħad u  l-pulizija qalu li qed jitrattaw l-akkużi b'kawtela.

L-aħwa Degiorio: Fil-bidu ta' Diċembru 2017 - madwar xaharejn wara l-assainju - f'operazzjoni kbira mill-baħar u mill-art mill-Korp tal-Pulizija kienu arrestati żewġ irġiel: Alfred u George Degiorgio.  

Fi żviluppi mill-aktar drammatiċi, bl-assasinju għadu frisk f'moħħ kulħadd, l-aħwa ttellgħu l-Qorti akkużati bil-qtil ta' Daphne. 

Dwar l-aħwa ħarġet ħafna informazzjoni fosthom tal-ewwel mumenti wara l-qtil.  Il-gazzetta La Repubblica qalet illi George Iċ-Ċiniż kien fuq il-Cabin Cruiser dakinhar tal-qtil.  Xħin kien se jibgħat l-sms li tixgħel il-bomba induna li ma kellux kreditu.  Wara li talab lil ħabib tiegħu jibgħatlu €5 pproċeda bil-pjan.

Daphne Caruana Galizia inqatlet nhar is-16 ta' Ottubru 2017, ftit wara t-3:00 p.m. 

Fit-3:30 p.m. iċ-'Ċiniż' bagħat sms lil martu, li kien jgħid 'iftaħli flixkun inbid, baby'. 

Il-Koħħu:  Vince Muscat, wieħed mill-ewwel tliet irġiel arrestati, din il-ġimgħa kien fl-aħbarijiet hekk kif ammetta l-ħtija tal-involviment tiegħu wara patteġġjament mal-pulizija li rah jagħti informazzjoni lill-pulizija.  Huwa mifhum li kienet din l-informazzjoni li għenet biex kienu arrestati l-aħwa tal-Maksar u Jamie Vella - fuq il-każ ta' Caruana Galizia u fuq il-każ tal-qtil ta' Carmel Chircop. 

Iżda l-Koħħu ilu jissemma.  Matul dawn it-tliet snin u nofs kien talab biex jingħata l-maħfra Presidenzjali fuq il-każ ta' Daphne, liema maħfra hu talabha għaliex kien hu li fil-fatt beda jikxef informazzjoni u li semma' lil Melvin Theuma - l-allegat intermedjarju fil-qtil - għall-ewwel darba, kien xehed l-eks avukat tiegħu Arthur Azzopardi.  Theuma stess fil-Qorti kien qal li l-Koħħu "kien lest jikxef kollox dwar seba' omiċidji.  Kollox ħlief is-serqa tal-HSBC (10 snin ilu)," li fil-fatt kien akkużat illi kien imdaħħal fiha.

Il-Koħħu ingħata sentenza ta' 15-il sena priġunerija.

Tal-Maksar:  L-aħwa tal-Maksar, Adrian u Robert Agius, minn Ħaż Żebbuġ din il-ġimgħa issemmew hekk kif huma wkoll ittellgħu l-Qorti akkużati fil-qtil ta' Chircop - li kien sellef flus lil Ryan Schembri tas-Supermarket More - kif ukoll fuq il-qtil tal-ġurnalista.  Lura fl-2017 dawn l-aħwa kienu arrestati ma' seba irġiel oħrajn li qatt ma tressqu l-Qorti. 

Tal-Maksar huma t-tfal tad-dealer tal-karozzi Raymond Agius li inqatel wara li sparawlu fl-2008 waqt li kien fil-Butterfly Bar f'Birkirkara. 

Kien Theuma mill-ġdid, li qal illi kien xi ħadd b'laqam ta' Tal-Maksar li kienu għamlu l-bomba li imbagħad intużat fl-assassinju. 

Caruana Galizia kienet kitbet dwar Agius fit-12 ta' Ottubru 2014 meta qalet illi Ryan Schembri ħalla €40 miljun dejn fin-negozju tas-supermarket More. Schembri kien imbagħad ħarab mill-pajjiż. 

Caruana Galizia kienet allegat li wieħed mill-aħwa kien qed jieħu self mingħand Schembri u li kien qed iwiegħdu 20% interessi fuq "laħam mill-Brażil." 

Tabib Adrian Vella:  Fost dawk li ssemmew f'dan il-każ f'xhieda pjuttost interessanti, kien it-tabib ta' Yorgen Fenech li għal xi żmien kien it-tabib ta' Keith Schembri wkoll.  It-Tabib Adrian Vella jispjega kif darba mar għand Keith Schembri wara li qallu Fenech biex jagħmel dan u l-eks Chief of Staff kien indikalu xi karti fuq il-mejda li kellu jieħu lil Fenech.  Hu ħadhom għand Fenech li malli ra l-kontenut qal li:  "Ma jistax ikun." Sabbat il-karti u qal "daqshekk!'

L-Ispettur Keith Arnaud kien xehed illi skont it-tabib Vella Keith Schembri ma kellux x'jaqsam mal-pjan tal-ħarba ta' Yorgen Fenech, bit-tabib jinsisti li Fenech iddiskuta l-ħarba ma' zijuh Ray u ħuh Franco u dan wara li Melvin Theuma kien arrestat.

It-tabib qal ukoll lill-Pulizija li meta Yorgen Fenech kien qed jiddiskuti l-ħarba tiegħu ma' ħuh Franco, sema' lil Yorgen Fenech jgħid: "Jekk ninżel jiena, inniżżel lil Keith miegħi.

More in Politika