'Robert Abela falla test ieħor meta ma kellux saħħa jkeċċi lil Rosianne Cutajar' - Bernard Grech

Jisħaq li l-każ ta' Daphne jkun magħluq meta ssir ġustizzja ma' kulħadd anke min indaħal jew ipprova jxekkel l-investigazzjoni

Il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech saħaq li l-Prim Ministru Robert Abela falla test ieħor meta ma kellux saħħa jkeċċi lil Rosianne Cutajar.

“Dan huwa dak li għamel Joseph Muscat b’Konrad Mizzi u Keith Schembri,” insista Grech waqt konferenza tal-aħbarijiet dwar l-aħħar żviluppi li seħħew fil-jiem li għaddew, kemm dwar il-każ tal-assassinju ta' Daphne Caruana Galizia u anke r-riżenja temporanja ta' Rosianne Cutajar minn Segretarju Parlamentari wara l-allegazzjonijiet li rċeviet flus mingħand Yorgen Fenech.

Bernard Grech insista li filwaqt li Abela ftaħar bl-istituzzjonijiet li qed jaħdmu, “l-Uffiċċju tal-Prim Ministru kien dgħajjef" quddiem il-każ ta’ Cutajar.

Mistoqsi mill-ġurnalisti dwar il-każ tal-eks Kap Nazzjonalista Adrian Delia, li wkoll kien allegat li kellu messaġġi ma’ Yorgen Fenech, Grech saħaq li jekk jirriżulta li dan huwa minnu, mhux se jiddejjaq li jieħu passi.

Irrefera wkoll għall-aħħar żviluppi dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia. Qal li għal aktar minn darba fl-aħħar jiem, il-Prim Ministru pprova jieħu l-mertu, anke dak tal-Pulizija, meta “b’mod ċar ma għandux.”

Kien għalhekk li l-Kap Nazzjonalista akkuża lill-Prim Ministru li qed jindaħal f’investigazzjonijiet tal-Pulizija.

“Kulħadd jaf x’ġara meta dan seħħ. Dan wassal biex il-Pulizija ma tħallitx tagħmel xogħolha u wasslet għal qtil ta’ Daphne Caruana Galizia,” insista Grech. “Ara ma nilludux ruħna li wasalna hawn bis-saħħa tal-Gvern jew ta’ Robert Abela.”

Fi kliemu, apparti l-Pulizija, l-iżviluppi seħħew bis-saħħa u l-konvizjoni tal-Partit Nazzjonalista u ta’ attivisti tas-Soċjetà Civili li baqgħu jippersistu biex l-investigazzjoni tibqa’ għaddejja.

“Żgur li ma kinitx minħabba konvinzjoni tal-Gvern ta’ Robert Abela,” insista Grech.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni qal ukoll li hemm għaġla, min-naħa tal-Prim Ministru biex jgħid li dan il-każ huwa magħluq.

Ilbieraħ il-Qorti meta żewġ persuni oħra tressqu dwar il-qtil ta' Daphne
Ilbieraħ il-Qorti meta żewġ persuni oħra tressqu dwar il-qtil ta' Daphne

“Hemm ħafna investigazzjoni li għad trid issir fid-dawl tax-xhieda li ntqalet u li għad trid issir,” kompla Grech.

Kien hawn li insista li dan il-każ jingħalaq meta ssir ġustizzja ma' kull min kien involut f’dan id-delitt anke ma’ min ipprova jindaħal jew ifixkel il-kors tal-ġustizzja.

“Robert Abela ma jistax jitkellem qisu ma kienx parti mill-Gvern Laburista tal-aħħar tmien snin. Robert Abela kien jattendi l-Kabinett meta l-Gvern għamel minn kollox biex jgħatti u jfixkel il-kors tal-ġustizzja,” saħaq Grech.

Temm iwiegħed li meta l-poplu se jsejjaħ lill-Partit Nazzjonalista biex ikun fil-Gvern dan se jsaħħaħ is-sistema tal-ġustizzja biex din tfittex il-verità kollha, mingħajr l-għajnuna ta’ ħadd, lanqas il-politiku.

Aqra wkoll:

More in Politika