'L-investigazzjonijiet dwar il-qtil ta' Daphne mhumiex magħluqa' - PM

Il-Prim Ministru jisħaq li se jibqa’ jaħdem biex il-pajjiż jagħlaq il-ferita tal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia darba għal dejjem

Robert Abela
Robert Abela

Il-Prim Ministru Robert Abela saħaq li se jibqa’ jaħdem biex il-pajjiż jagħlaq il-ferita tal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia darba għal dejjem

Abela qal dan waqt konferenza tal-aħbarijiet f’Kastilja wara li lbieraħ tressqu aktar persuni akkużati bil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia. Fil-fatt, ilbieraħ, Jamie Vella u Robert Agius (tal-Maskar) tressqu l-Qorti akkużati li pprovdew il-bomba li qatlet lill-ġurnalista.

“Il-Gvern li mmexxi jien huwa forza favur is-sewwa. Pass ieħor lejn il-ġustizzja sħiħa mal-familja Caruana Galizia u magħha stess,” saħaq il-Prim Ministru.

Insista li l-fatt li l-Pulizija tressaq aktar persuni l-Qorti b’rabta mal-każ ta’ Daphne Caruana Galizia jkompli jikkonferma kemm l-istituzzjonijiet tal-pajjiż ma straħux fil-ħidma tagħhom fit-tfittxija għal verità.

Fakkar li issa hemm arrestati l-allegat mandant tad-delitt, żewġ persuni li huma akkużati bħala l-eżekuturi u żewġ persuni oħra li kienu kompliċi. Persuna oħra, Vince Muscat, wieġeb ħati u ngħata s-sentenza ta’ 15-il sena ħabs.

Madanakollu, meta mistoqsi jekk jaħsibx li l-każ dwar l-assassinju ta’ Caruana Galizia huwa magħluq, il-Prim Ministru rrefera għall-kummenti tal-Kummissarju tal-Pulizija li lbieraħ, filwaqt li saħaq li hemm il-persuni kollha b’rabta ma’ dan il-każ arrestati, dan ma jfissirx li l-investigazzjoni hija magħluqa.

“Dak li seħħ juri li dan hu pajjiż fejn tirrenja s-Saltna tad-Dritt. Jgħarralu minn f’dan il-pajjiż jaħseb li jista’ jgawdi minn impunità,” kompla l-Prim Ministru.

Saħaq li kull istituzzjoni se ssib lill-Gvern bħala spalla u se jipprovdi r-riżorsi kollha ‘l bogħod mill-kontroversja u l-indħil politiku.

Fakkar ukoll f’riformi li twettqu fl-aħħar xhur, fosthom fejn tidħol il-ħatra tal-Kummissarju tal-Pulizija u anke l-ħatra tal-ġudikatura u li, fi kliemu, qed iħallu l-frott.

“Irħejt minn idi poteri li l-ebda Prim Ministru ieħor ma kien lest li jerħi,” saħaq Abela.

Il-ġurnalisti staqsew ukoll lill-Prim Ministru jekk Vince Muscat semmix eks politiku li kien involut fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia. Huwa rrefera għal kummenti tal-Kummissarju tal-Pulizija, jiġifieri li sa issa ma jirriżultax li hemm politiċi jew eks politiċi involuti fil-każ ta' Caruana Galizia 

More in Politika