Spezzjonati 65% tal-postijiet ta’ akkomodazzjoni f’Għawdex; Żewġ ristoranti jinqabdu miftuħa wara l-ħin

Minn mindu daħlu restrizzjonijiet ġodda biex tiġi kontrollata l-imxija tal-COVID-19 matul ix-xahar ta’ Frar, saru aktar minn 6,000 spezzjoni

Aktar minn 6,000 spezzjoni saru fl-aħħar ġimgħatejn mill-infurzar tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu hekk kif daħlu restrizzjonijiet ġodda biex tiġi kontrollata l-imxija tal-COVID-19.

F’Malta, bejn il-11 u l-14 ta’ Frar, saru 1,885 spezzjoni li tnejn minnhom inqabdu miftuħin wara l-perjodu stabbilit mil-liġi, filwaqt li stabbiliment ieħor qiegħed jiġi investigat mill-Pulizija. 

Fl-istess jiem imsemmija, f'Għawdex ġew spezzjonati 802 akkommodazzjoni minn 1,255 li huma liċenzjati mal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu.

Dan ifisser li ġew spezzjonati 65% tal-postijiet ta’ akkomodazzjoni liċenzjati f’Għawdex. Ħadd ma nqabad jikser il-liġi.

Fl-istess waqt saru 475 spezzjoni f’ristoranti u stabbilimenti fejn ukoll ħadd ma nstab jikser il-liġi. 

Skont l-aħħar restrizzjonijiet, għax-xahar ta' Frar, ir-ristoranti u anke l-isnack bars jridu jagħlqu l-bibien tagħhom fil-11pm. Il-bars u l-każini jibqgħu magħluqa.

Apparti minn hekk bejn il-11 u s-17 ta’ Frar kull min jitla’ fuq il-vapur ta' Għawdex qed titteħiedlu t-temperatura, bil-passiġġieri qed ikunu mħeġġa jibqgħu fil-karozza tul il-vjaġġ. Il-vapuri tal-Gozo Channel qed joperaw ukoll b’nofs il-volum.

More in Politika