Aġġornata | Il-PM mhux se jaċċetta t-talba tal-familja Pace għal inkjesta pubblika dwar l-inċident

Il-familja saħqet li inkjesta pubblika biss tista' tissarraf f’ġustizzja sħiħa

Il-Prim Ministru Robert Abela kkonferma li mhux se jkun qed jaħtar inkjesta pubblika dwar il-qtil ta' Miriam Pace u dan minkejja talbiet kontinwi biex jagħmel dan mill-familja Pace u anke mill-Oppożizzjoni.

Abela qal dan f'kummenti lill-midja meta ħareġ mil-laqgħa tal-kabinett li llum saret fil-Fgura.

Il-Prim Ministru insista li inkjesta pubblika tkun qed tippreġudika u ttellef il-proċeduri kriminali li bħalissa għaddejin dwar dan il-każ, fosthom kontra perit u kuntrattur li kienu qed jaħdmu biswit id-dar ta' Pace meta din iġġarfet.

"Il-proċeduri li kellhom x'jaqsmu mal-każ ta' Miriam Pace imxew skont ir-regolamenti ta' pajjiżna u mill-istituzzjonijiet li huma responsabbli," saħaq Abela.

Fakkar ukoll fir-rapport ippubblikat mill-esperti li qabbad il-Gvern stess biex iħares lejn is-settur tal-kostruzzjoni u mhux dwar il-każ ta' Pace biss, għax fi kliemu, dan kien jippreġudika l-każ li għaddej quddiem il-Qorti.

"Dak ir-rapport ġie mqiegħed fuq il-medja tal-kamra. Għandna wkoll l-abbozz biex nirriformaw l-industrija tal-kostruzzjoni fosthom billi nwaqqfu awtorità regolatorja. Hemm proċess li miexi sew u trid tħalli l-kors ġudizzjarju jieħu t-triq tiegħu," insista Abela.

Insista li l-istituzzjonijiet qed jiffunzjonaw. "Is-sogru ta' kull inkjesta li timxi parallel mal-proċeduri kriminali, hija li se jkun hemm xi ħadd mill-akkużati li żgur se jgħid li l-każ tiegħu qed ikun ippreġudikat," kompla l-Prim Ministru.

Propju għalhekk li insista li qed jieħu din id-deċiżjoni għax irid li ssir ġustizzja u ma jkun hemm xejn li jtellef il-proċess ġudizzjarju. 

Aktar qabel

Il-familja ta’ Miriam Pace, il-mara li sfat mirduma taħt it-terrapien tad-dar tagħha kważi sena ilu, reġgħet tenniet l-appell tagħha biex tinfetaħ inkjesta pubblika dwar dan l-inċident fatali, għax fi kliemha, din biss tista’ tissarraf f’ġustizzja sħiħa.

L-istqarrija, miktuba mill-Avukati David Bonello u Joe Giglio, f’isem il-familja,  tagħmel referenza għall-inkjesta maġisterjali ppubblikata lbieraħ.

“Ir-rapport jagħti konferma li l-istituzzjonijiet naqsu b’mod flagranti fl-obbligu tagħhom li jissalvagwardjaw il-ħajja ta’ terzi, speċifikament f’dan il-każ ta’ Miriam Pace,” saħqet l-istqarrija.

Dan, tkompli tisħaq il-familja, ssaħħaħ il-fehma tal-familja Pace biex tinfetaħ inkjesta pubblika mingħajr aktar dewmien.

Din mhux l-ewwel darba li l-familja għamlet din it-talba, kif għamlet ukoll l-Oppożizzjoni li saħansitra ppreżentat mozzjoni fil-Parlament. Sa issa din it-talba ma ġietx milqugħa.

“Il-familja Pace tinnota wkoll li l-mozzjoni parlamentari rigward il-ftuħ ta’ inkjesta pubblika għandha tigi diskussa mingħajr dewmien sabiex l-istess familja Pace tkun mgħarrfa bir-raġunijiet għaliex is-sejħa għal inkjesta pubblika qed tiġi injornata,” temmet tgħid l-istqarrija. 

More in Politika