'Mil-lum bdejna t-triq lura għan-normalità' - PM Robert Abela

Tasal l-ewwel konsenja ta' 10,000 vaċċin ta' Pfizer konrtra l-Covid-19 f'pajjiżna ...

Il-PM Abela u Deputat PM Fearne jimmarkaw il-wasla tal-vaċċin
Il-PM Abela u Deputat PM Fearne jimmarkaw il-wasla tal-vaċċin

Waqt konferenza tal-Aħbarijiet dalgħodu biex jimmarkaw l-ewwel konsenja ta' 10,000 vaċċin - Il-Prim Ministru, Deputat PM u Supretendent tas-Saħħa Pubblika osservaw ftit sekondi ta' silenzju biex jitfakkru dawk in-nies li tilfu ħajjithom waqt li kienu pożittivi għall-Covid-19. 

Il-Prim Ministru Robert Abela sostna illi llum jimmarka l-bidu lura għan-normalità.  "Irridu nibqgħu naħdmu bis-saħħa biex pajjiżna jkompli miexi 'l quddiem, dan b'kawtela u billi nkomplu nsegwu r-regoli.  Imma mil-lum tibda t-triq lura għan-normalità."

Ara hawnhekk l-ewwel dettalji, il-programm tal-għoti tal-vaċċin u aktar informazzjoni dwar meta int se tkun qed tieħu dan il-vaċċin. 

Intant id-Deputat Prim Ministru Chris Fearne indika li se jkun hemm passaport tal-vaċċin li permezz tiegħu persuna tkun tista' ssiefer f'pajjiż ieħor jew inkella tidħol Malta ladarba tkun ħadet iż-żewġ titqibiet tal-vaċċin u għalhekk tkun żviluppat l-immunità għall-virus. 

Il-PM Abela, minn naħa tiegħu, saħaq illi l-Gvern żgura li l-pajjiż jkollu t-tagħmir kollu u għamel dak kollu - fosthom miżuri - "biex din il-pandemija ma tegħlibniex.  Ressaqna miżuri iffukati, bħal moratorji fuq is-self, il-wage supplement, għajnuna għall-kirja ... u l-komunità kummerċjali rrispondiet billi żammet lin-nies, minflok keċċiet lill-ħaddiema.  Mhux talli keċċiet, talli ħafna ħaddmu aktar nies," sostna l-Prim Ministru. 

Robert Abela qal illi l-Gvern żgura li ma tintilifx ġenerazzjoni ta' żgħażagħ u għalhekk ħadem biex l-ebda skola ma jkollha tagħlaq. 

"Aħna fil-bidu tas-sena se nkunu qed inqassmu l-vouchers.  Ħaddieħor se jkun għadu qed jagħti l-vaċċin fil-bidu tas-sena u bħalissa għandu miżuri biex jekk tinqabad barra fit-triq tingħata multa."

Ara hawnhekk xi miżuri li ttieħdu f'pajjiżi u bliet Ewropej wara żieda fil-każi ta' Covid-19 fl-aħħar ġimgħat. 

Il-Prim Ministru temm jgħid li dan huwa wieħed mill-isbaħ rigali għall-Milied.  Huwa sostna li huwa kruċjali li għalissa kulħadd jibqa' jsegwi r-regoli u kulħadd jibqa' responsabli. 

Fearne qal illi sa issa "konna qed niddefendu, minn issa bdejna nattakkaw." 

Nilqa' bi pjaċir il-wasla tal-vaċċin f'pajjiżna. Din hija solidarjetà fil-prattika u prova oħra tal-benefiċċji...

Posted by Bernard Grech on Saturday, December 26, 2020
Il-konferenza fl-ajruport ftit wara l-wasla tal-vaċċin
Il-konferenza fl-ajruport ftit wara l-wasla tal-vaċċin

More in Politika