Illum tasal Malta l-ewwel konsenja ta' 10,000 doża tal-vaċċin. Min, kif u meta ... ?

Għada jibdew jitlaqqmu n-nies bil-vaċċin tal-Covid-19 - Illum tasal l-ewwel konsenja ta' 10,000 vaċċin

Wara ħafna qtigħ il-qalb u sagrifiċċji, il-vaċċin issa jinsab f’Malta. Ilum tasal f’Malta l-ewwel konsenja ta’ 10,000 doża u għada, mat-tokki tad-9:00 a.m se jibdew jitlaqqmu l-ewwel infermiera u tobba tal-isptar Mater Dei.

Nhar it-Tnejn tasal konsenja oħra ta’ eluf ta’ dożi tal-vaċċin u kull nhar ta’ Tnejn tibqa’ tasal konsenja ta’ dożi sakemm Pfizer u BioNTech ikunu bagħtu Malta 500,000 doża, biżżejjed biex jitlaqqmu 250,000 persuna.

Malta għandha allokati eluf ta’ dożi oħra mingħand kumpaniji li żviluppaw il-vaċċin, fosthom Moderna u AstraZeneca. Malli dawn ikunu approvati mill-Aġenzija Ewropea għall-Mediċina, Malta tibda tirċievi wkoll konsenji mingħand dawn il-kumpaniji, biżżejjed biex tkun tista’ tlaqqam il-popolazzjoni kollha.

Min se jieħu l-vaċċin fil-jiem li ġejjin:

Għada: Jibdew jitlaqqmu l-ewwel infermiera u tobba li jaħdmu fl-Infection Disease Unit, fl-ITU u anke fl-Emerġenza tal-Isptar Mater Dei
28 ta’ Diċembru: Jibdew jieħdu l-vaċċin l-infermiera u t-tobba li jaħdmu fil-kura primarja u anke fiċ-ċentri tal-ittestjar
29 ta' Diċembru: It-tilqima tasal ukoll fl-Isptar Ġenerali ta' Għawdex
30 ta' Diċembru: It-tilqim jibda fl-isptarijiet Monte Karmeli, Boffa u l-Good Samarithan Facility
1 u s-6 ta' Jannar: Jitlaqqmu l-istaff, il-pazjenti u r-residenti kollha tal-Isptar San Vinċenz de Paule
7 ta' Jannar: Jibdew jinħarġu l-ittri għall-anzjani li għandhom 'il fuq minn 85 sena u jibdew jitlaqqmu wkoll ir-residenti fid-djar tal-anzjani. Fl-ittra se jkollhom żewġ appuntamenti, jiġifieri meta u fejn se jieħdu l-ewwel u t-tieni doża tal-vaċċin.

Aktar ma jaslu dożi, aktar il-vaċċin isir disponibbli. Wara dawk imsemmija hawn fuq, il-prijorità tingħata lill-anzjani li għandhom bejn 80 u 85 sena, dawk li jbatu minn mard kroniku, persuni li għandhom bejn 70 u 80 sena, għalliema u edukaturi, persuni li għandhom ‘il fuq minn 55 sena u l-bqija tal-popolazzjoni.

Helpline 145 ...

Apparti minn hekk se jitwaqqaf helpline, 145, dwar it-tilqima kontra l-Covid-19.

It-tilqima mhux se tkun obbligatorja iżda dawk li se jirċievu l-appuntament u li se jagħżlu li ma jiħdux il-vaċċin huma mħeġġa jċemplu u jinfurmaw lill-awtoritajiet biex id-doża riservata għalihom tingħata lil ħaddieħor.
Il-vaċċin għandu effetti sekondarji?

Kull vaċċin għandu effetti sekondarji iżda jekk wieħed iqabbel l-effetti li jista' jkollu l-Covid-19 u l-effetti sekondarji tal-vaċċin, waħdu jasal għall-konklużjoni li għandu jieħu l-vaċċin.

L-effetti sekondarji huma minimi u jdumu biss ftit jiem. Dawn jinkludu ftit ħmura u uġigħ fil-post tal-injezzjoni, ftit deni, għejja u uġigħ ta' ras.

Lanqas ifisser li kulħadd se jiżviluppa sintomi.

X'jiġri jekk persuna tkun ħadet l-ewwel doża tal-vaċċin u tiġi f'kuntatt ma' persuna pożittiva?

Jekk persuna tkun ħadet l-ewwel doża u tiltaqa' ma' persuna pożittiva, din xorta waħda jkun hemm bżonn titpoġġa fi kwarantina biex ikunu protetti persuni oħra.

Fil-fatt, mill-istudji jirriżulta li l-ewwel doża żżid l-immunità tal-persuna kontra l-virus għal madwar 52%. It-tieni doża żżid l-immunità għal 95%.

Staqsi lit-tabib jekk:

  1. Dawk il-persuni li jbatu minn kundizzjonijiet (imsemmija hawn taħt) għandhom ikellmu lit-tabib tagħhom qabel jieħdu l-vaċċin. Il-persuni li għandhom jitolbu pariri huma dawk li:
  2. ġieli batew minn allerġija severa jew inkella problemi respiratorji wara li ħadu tilqima (injection) oħra;
  3. ġieli ħasshom ħażin wara li ħadu injection;
  4. jkunu qed ibatu minn marda serja jew inkella infezzjoni li tikkawża deni qawwi; (min ikollu ftit deni jew inkella riħ ħafif xorta jista' jieħu l-vaċċin);
  5. għandhom problemi bid-demm, jitbenġlu malajr jew inkella li jinsabu fuq mediċina li tippreveni l-blood-clots;
  6. għandhom sistema immunitarja dgħajfa minħabba mard bħall-HIV jew inkella għax jinsabu fuq trattament għall-kimoterapija.
  7. Dawk li jbatu minn allerġiji minħabba l-ikel, kellhom allerġiji wara li ħadu xi mediċina jew inkella jbatu minn allerġiji ħfief jistgħu xorta waħda jserrħu rashom u jieħdu l-vaċċin.
  8. It-tilqima għalissa mhux qed tingħata lil tfal taħt is-16-il sena jew inkella lil nisa tqal jew li qed ireddgħu. L-istudji f'dawn il-gruppi għadhom għaddejja.
  9. Persuni li għandhom il-Covid-19 għandhom jistennew sitt ġimgħat, minn meta jfiequ, biex jieħdu t-tilqima. Min ikun kwarantina wkoll għandu jistenna li jintemm dan il-perjodu mhux għax il-vaċċin mhux tajjeb għalihom imma għax ma jkunux jistgħu joħorġu f'dan il-perjodu.

More in Politika