Addijo l-festini, l-ikliet u l-mulled wine fil-pjazez; Milied ġewwa għal ħafna Ewropej
Hekk kif il-Covid-19 qed jagħmel festa fl-Ewropa tista’ tgħid li ħassar il-festi ta’ eluf ta’ Ewropej. Diversi pajjiżi Ewropej kienu kostretti jimponu restrizzjonijiet stretti biex inaqqsu r-riskju tat-tixrid tal-virus fi żmien li fih normalment jinġabru l-familji u l-ħbieb

minn Yendrick Cioffi

Ftit jiem biss qabel il-Milied, il-festa li ġġib il-familji u l-ħbieb flimkien ħafna aktar mill-bqija tal-ġranet tas-sena, diversi pajjiżi Ewropej kienu kostretti jimponu restrizzjonijiet stretti bil-għan li jikkontrollaw l-imxija tal-Covid-19.
Diversi pajjiżi Ewropej qed jirrapportaw eluf ta’ każi ġodda u mwiet kuljum u ma jaffordjawx li l-każi jkomplu jiżdiedu minħabba l-festi tal-Milied.
Għalhekk ma kellhomx għażla oħra ħlief li jimponu restrizzjonjiet stretti għal żmien il-Milied. F’dan l-artiklu l-ILLUM tagħti ħarsa lejn ir-restrizzjoni f’uħud mill-pajjiżi
Lockdown strett fil-Ġermanja ... eċċezzjoni żgħira nhar il-Milied
Minn din il-ġimgħa, il-Ġermanja daħlet f’lockdown strett fejn ingħalqu l-iskejjel u n-negozji kollha li mhumiex neċessarji.
Dawn il-miżuri stretti jibqgħu fis-seħħ sal-10 ta’ Jannar. Għal Milied biss, kull familja qed tingħata permess li tistieden sa massimu ta’ erbat iqraba.
Kien hemm ġranet fejn il-Ġermanja irrapportat kważi 30,000 każ ġdid u madwar 900 mewta.
Sal-10 ta’ Jannar jistgħu jiftħu biss negozji essenzjali bħas-supermarkets u anke l-banek. Ir-ristoranti, il-bars, il-hairdressers u l-postijiet tad-divertiment se jibqgħu magħluqa.
Ma jistax lanqas jinxtorob alkoħol fil-pubbliku u għalhekk l-istands tant popolari tal-mulled wine wkoll ma jistgħux jiftħu.
Il-kumpaniji qed ikunu mħeġġa wkoll biex jippermettu li l-impjegati tagħhom jaħdmu mid-dar.
Curfew għall-Franċiżi ... eżenzjoni għall-Milied iżda mhux għal-Lejliet l-Ewwel tas-Sena
Franza biddlet it-tieni lockdown nazzjonali b’curfew bejn it-8:00pm u s-6:00am. F’dawn il-ħinijiet, ħadd mhu se jitħalla joħroġ mid-dar sakemm ma jkollux awtorizazzjoni uffiċjali.
Se jkun hemm eżenzjoni biss għal-Lejliet il-Milied iżda mhux għal-Lejliet l-Ewwel tas-Sena.
Il-bars u anke r-ristoranti se jibqgħu magħluqa minn tal-inqas sal-20 ta’ Jannar.
Fi Franza mietu aktar minn 60,000 persuna bil-Covid-19.
L-Olanda tinsab f’lockdown ta’ ħames ġimgħat
L-Olandiżi wkoll qed jiffaċċjaw lockdown ta’ ħames ġimgħat, l-aktar miżuri stretti mħabbra fil-pajjiż minn meta bdiet il-pandemija.
Negozji mhux essenzjali bħall-ħwienet tal-ħwejjeġ, iċ-ċinemas, il-hairdressers u l-gyms se jibqgħu magħluqa.
Apparti minn hekk, l-Olandiżi qed jintalbu biex sa nofs Marzu ma jibbukkjawx biex jivjaġġaw barra mill-pajjiż jekk mhux għal raġunijiet neċessarji.
Ir-restrizzjonjiet se jkunu mnaqqsa ftit għat-tlett ijiem tal-Milied, fejn kull familja tista’ tistieden sa tliet persuni minflok tnejn.
Ir-residenti ta’ Londra se jkollhom jisimgħu t-tokki tal-Big Ben mid-dar
Minn din il-ġimgħa, Londra kellha timponi l-aktar miżuri stretti fis-sistema li tħabbret mill-Gvern Ingliż fil-ġimgħat li għaddew.
Minflok lockdown nazzjonali, il-Gvern Ingliz kien ħabbar sistema ta’ tliet livelli u ma’ kull livell hemm abbinati miżuri ta’ mitigazzjoni.
Il-livelli tal-allert, “medju,” “għoli” u “għoli ħafna,” qed jikklasifikaw ir-reġjuni differenti skont kemm tkun ir-rata ta’ trasmissjoni tal-virus.
Hekk kif il-każi f’Londra komplew jiżdiedu, il-kapitali Ingliża daħlet taħt l-aktar miżuri stretti.
Il-bars, il-pubs u r-ristoranti huma kostretti jagħlqu. Jistgħu joffru biss servizz ta’ takeaway jew delivery.
Stabbilimenti oħra ta’ divertiment, inkluż it-teatri u anke ċ-ċinemas ma jistgħux jiftħu.
Il-Gvern Ingliż kien ikkritikat li ma daħħalx miżuri aktar stretti għal Milied u li japplikaw għal kullimkien. Boris Johnson saħaq li l-erba’ pajjiżi li jiffurmaw ir-Renju Unit qabblu li jżommu r-restrizzjonijiet kif inhuma. Appella lin-nies biex ikunu kawti u jnaqqsu l-kuntatti filwaqt li saħaq li t-twissijiet se jiħraxu.
L-Ispanjoli ma jistgħux jivjaġġaw bejn ir-reġjuni ħlief biex iżuru l-qraba
Fi Spanja, mit-23 ta’ Diċembru sas-6 ta’ Jannar, l-ivjaġġar bejn ir-reġjuni mhuwiex permess ħlief biex persuni jżuru qraba jew ħbieb.
Għall-attivitajiet soċjali f’Lejliet il-Milied, f’Jum il-Milied, f’Lejliet l-Ewwel tas-Sena u fl-Ewwel tas-Sena ma jistax ikun hemm aktar minn 10 persuni (inkluż tfal) miġbura flimkien.
L-Ispanjoli bħalissa qed isegwu wkoll curfew bejn il-11:00pm u s-6:00am li mistenni jibqa’ fis-seħħ sa Mejju 2021. F’dawn il-ħinijiet qed jitħallew biss joħorġu biex imorru x-xogħol, jixtru l-mediċini jew għall-kura tal-anzjani u t-tfal.
Italja: Lockdown parzjali sal-Epifanija
L-Italja ordnat lockdown parzjali fl-aħħar sigħat għall-pajjiż kollu għal ħafna mill-vaganzi tal-Milied u dan biex titnaqqas iż-żieda kbira ta' każi ta' Covid-19 f'dan il-pajjiż, li fil-fatt kien mal-pajjiżi l-aktar milqutin ħażin minn din il-pandemija għal numru ta' ġimgħat.
Il-PM Taljan Giuseppe Conte sejjaħ ir-restrizzjonijiet bħala "deċiżjoni li tweġġa" filwaqt li qal illi attivitajiet bejn il-familji u l-ħbieb jistgħu jerġgħu jżidu l-imxija tal-virus.
"Il-virus qed jiċirkola kullimkien. Nistgħu niġġildulu imma ma nistgħux nirbħulu," qal Conte li sostna illi l-esperti qed jibżgħu li l-kurva tal-pandemija tista' terġa' togħla fil-perjodu tal-Milied.
Dawn il-miżuri ta' lockdown jiġu fil-kuntest illi l-Lombardija, Veneto u Lazio ireġistraw rata ta' trażmissjoni ta' aktar minn 1 wara ġimgħat ta' tnaqqis. L-Italja huwa l-pajjiż bl-ogħla rata ta' mwiet kaġun tal-pandemija b'67,900 vittma sal-Ġimgħa 18 ta' Diċembru.
Il-miżuri se jidħlu fis-seħħ fil-21 ta' Diċembru u jibqgħu għaddejjin sas-6 ta' Jannar (L-Epifanija) u fost oħrajn se jfissru li r-ristoranti mhux se jkunu miftuħin, għalkemm jistgħu jsiru deliveries u take-aways, filwaqt li l-moviment bejn parti u oħra tal-Italja se jkun ristrett.
Huma żewġ persuni biss li jistgħu jżuru ħbieb jew familja fi kwalunkwe ġurnata minn dawn.
Belġju: Regoli stretti fuq il-mistiedna
Bħalissa, fil-Belġju, kull dar tista’ tilqa’ persuna waħda biss (dejjem l-istess waħda) li ma tgħix fiha. Min jgħix waħdu, jista’ jdaħħal żewġ persuni iżda mhux flimkien.
Fl-24 u l-25 ta’ Diċembru din ir-regola stretta se tinbidel ftit biex kull familja tista’ tilqa’ sa massimu ta’ żewġ persuni.
Madanakollu, fuq barra ma jistax ikun hemm aktar minn erba’ persuni flimkien.
Lejliet l-Ewwel tas-Sena ma jistax jinħaraq nar iżda l-curfew impost jiem ilu se jitnaqqas minn nofsilejl sal-5:00am.
Il-ħwienet kollha se jinfetħu mill-1 ta’ Diċembru, iżda persuna tista’ tmur tixtri waħedha u ma tistax taqbeż it-30 minuta f’ħanut.
Il-hairdressers, il-bars u r-ristoranti se jibqgħu magħluqa. Stabbilimenti tal-ikel jistgħu joffru takeaway sal-10:00pm.

