Is-separazzjoni tal-iskart se jsir mandatorju għal kulħadd inkluż stabbilimenti

Il-Ministru Aaron Farrugia jħabbar pjan fit-tul fil-qasam tal-immaniġġjar tal-iskart, fosthom ukoll introduzzjoni ta' borża ġdida għall-karti

Il-Ministru Farrugia jindirizza konferenza tal-aħbarijiet
Il-Ministru Farrugia jindirizza konferenza tal-aħbarijiet

Pjan fit-tul għall-immaniġġjar tal-iskart se jitressaq għal konsultazzjoni pubblika biex jappoġġa l-viżjoni tal-gvern li pajjiżna jsir fost l-aqwa pajjiżi fl-Unjoni Ewropea fis-settur tal-immaniġġjar tal-iskart.

Dan tħabbar mill-Ministru għall-Ambjent, it-Tibdil fil-Klima u l-Ippjanar Aaron Farrugia li spjega li l-għan aħħari ta’ dan il-pjan għall-immaniġġjar tal-iskart 2021-2030 huwa li jimmassimizza l-valur tal-iskart permezz ta’ soluzzjonijiet ħolistiċi u l-adozzjoni ta’ approċċ kollaborattiv filwaqt li jippromwovi tibdiliet fl-imġiba. Dan se jwassal biex pajjiżna jilħaq il-miri ambizzjużi tiegħu sal-2030.

“Dawn il-miżuri se jiżguraw li Malta tagħmel il-bidla tant mistħoqqa fl-immaniġġjar tal-iskart li tinkludi attivitajiet u azzjonijiet li jkopru l-ħajja kollha tal-iskart – minn mindu dan jinħoloq sa ma dan jintrema”, qal il-Ministru Farrugia.

Il-pjan propost huwa bbażat fuq l-għaxar punti msemmija hawn taħt. Dawn il-miżuri jinkludu:

 

  1. Nimxu lejn ekonomija ċirkulari: Inċentivi fiskali li jippromwovu t-tiswija u l-użu mill-ġdid tal-prodotti; il-bini ta’ ċentru għat-tiswija u l-użu mill-ġdid; inċentivi għall-użu ta’ materjal riċiklat.
  2. Prevenzjoni tal-Iskart: Online swap shops; app li tippubbliċizza prattiċi tajbin u informazzjoni real-time.
  3. Separazzjoni tal-Iskart: Separazzjoni mandatorja għal kulħadd, inklużi stabbilimenti kummerċjali; introduzzjoni tal-borża ġdida għar-riċiklar tal-karti.
  4. Il-Ġbir tal-Iskart: Nibdew il-mixja lejn approċċ reġjonali li se jwassal għal economies of scale; modernizzar tal-flotta; introduzzjoni ta’ sistema armonizzata nazzjonali għall-ġbir tal-iskart.
  5. L-Infrastruttura għat-Trattament tal-Iskart: ECOHIVE – impjanti state-of-the-art biex innaqqsu d-dipendenza ta’ pajjiżna fuq il-miżbliet.
  6. Responsabbiltà Estiża tal-Produttur: Nesploraw sistemi ġodda għar-rimi ta’ żjut, għat-tajers u t-tessuti fost l-oħrajn.
  7. L-Iskart Kummerċjali: Nipprovdu aktar ġbir ta’ skart organiku bla ħlas; introduzzjoni ta’ eco-label għal stabbilimenti kummerċjali.
  8. Kampanji edukattivi, Monitoraġġ u Konformità: Nirreklutaw green champions; insaħħu l-infurzar biex jitnaqqas l-abbuż; awtoritajiet governattivi jiżvelaw informazzjoni fuq min qed jikser dawn il-provedimenti.
  9. Il-Ġestjoni tad-Data, Riċerka u Żvilupp: nintroduċu sistemi diġitali avvanzati, inklużi dawk ta’ intelliġenza artifiċjali fl-immaniġġjar ta’ skart solidu.
  10. Il-Partijiet Interessati: naħdmu id f’id mar-residenti, mal-kunsilli lokali u ma’ gvernijiet reġjonali, mas-settur kummerċjali, mal-industrija u mal-awtoritajiet governattivi. 

“Fis-settur tal-iskart jeħtieġ nifhmu fejn ninsabu llum il-ġurnata, fejn irridu mmorru u kif se naslu. Il-ħtieġa li nħaddmu sistemi aktar sofistikati u innovattivi fl-immaniġġjar tal-iskart qed tiżdied hekk kif il-popolazzjoni ta’ pajjiżna se tkompli tikber. M’hemmx lok għal dewmien biex jiġu implimentati r-riformi neċessarji biex pajjiżna jilħaq l-objettivi tiegħu. Jekk ma nisfidawx l-istatus quo pajjiżna se jkun f’pożizzjoni ħafna aktar prekarja biex jilħaq il-miri għall-iskart għall-2030. Li ma nagħmlu xejn għandu prezz kemm mill-aspett ekonomiku kif ukoll ambjentali, u l-ammont ta’ art li diġà tlifna minħabba l-bżonn ta’ landfilling huwa eżempju ċar ta’ dan. Is-sitwazzjoni bħalissa qed twassal għal aktar teħid ta’ art għal miżbliet”, qal il-ministru. 

Spjega li dan il-pjan se jkun qed jitwettaq flimkien ma’ riformi oħra li tħabbru riċentament f’dan is-settur, fosthom l-ikbar investiment li qatt sar fl-immaniġġjar tal-iskart f’pajjiżna - faċilitajiet state-of the-art fil-kumpless ECOHIVE, proġett li se jkun qed iwassal biex pajjiżna jimxi lejn ekonomija ċirkolari u jippermetti li l-iskart jiġi użat fil-potenzjal kollu tiegħu u b’hekk ma nibqgħux dipendenti fuq il-miżbliet, darba għal dejjem. 

“L-ekonomija ċirkolari hija l-futur u filwaqt li nirrikonoxxu li l-implimentazzjoni ta’ sistemi avvanzati fl-immaniġġjar tal-iskart tiswa aktar milli wieħed jinvesti f’sistemi u fl-approċċ tradizzjonali ta’ kif jiġi ġestit l-iskart, dan il-pjan se jkun qed jagħti l-opportunità lin-negozji biex imexxu f’dan is-settur li dejjem qed jikber fl-ekonomija dinjija”.

 

Dan id-dokument se jkun disponibbli għal konsultazzjoni pubblika mis-sit elettroniku tal-ministeru fl-14 ta’ Diċembru 2020.

More in Politika