‘Nitkażaw b’Deputati li jaċċettaw rigali meta anka l-partiti jiddependu mid-donazzjonijiet ta’ terzi’

Joe Giglio: Għaliex daħal għall-politika? X’jaħseb dwar ir-rigali li jirċievu d-Deputati? Jaqbel li d-Deputati jkunu full-time? U kif jaħsibha dwar l-ekonomija, il-kostruzzjoni, l-ewtanasja u l-abort...

Joe Giglio
Joe Giglio

Ilu 27 sena avukat. Miżżewweġ u għandu erbat itfal. Jiddeskrivi lilu nnifsu bħala raġel sempliċi u li jħobb il-ħin liberu tiegħu mal-familja. Dan l-aħħar beda jidher aktar fuq l-istazzjon tal-Partit Nazzjonalista tant li kien hemm min saħansitra xtaqu joħroġ għall-Kap. Ħabbar li se jkun kandidat tal-PN fl-Elezzjoni Ġenerali fuq id-disa’ u l-għaxar distretti elettorali. Il-gazzetta ILLUM tiltaqa’ ma’ Joe Giglio.

Tibda tistaqsih għaliex għażel li joħroġ għall-politika wara 27 sena avukat u għaliex ma’ partit li għaddej minn żminijiet diffiċli. 

“Waħda mir-raġunijiet hija propju għax huwa l-aktar żmien diffiċli għall-PN. Kien ikun aktar faċli kieku dħalt meta ż-żminijiet kienu isbaħ. Is-sens tas-sagrifiċċju trid tagħmlu fl-aktar żminijiet diffiċli,” insista Giglio.

Apparti dan saħaq li l-pajjiż kollu kemm hu għaddej mill-aktar żmien diffiċli tiegħu. Fakkar fl-għajtiet “sbieħ” tal-Partit Laburista fl-2013, favur il-meritokrazija, it-trasparenza u ‘Malta Tagħna Lkoll.”

“Kollha kienu għajtiet sbieħ ħafna imma ż-żmien wera li ‘they let us down big time.’ Dnub għax bata l-pajjiż kollu,” insista Giglio. “Din raġuni oħra għaliex dħalt issa fil-politika.”

Dwar għaliex għażel il-Partit Nazzjonalista, Giglio saħaq li dejjem ra li l-PN kellu aktar viżjoni fit-tul għall-pajjiż.

“Narawha fl-Indipendenza, id-dħul ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea, il-bidla kbira li ġab mill-1987 ‘il quddiem, il-bidla fl-istituzzjonijiet, fit-teknoloġija, fil-midja u fid-deċentralizzazzjoni tal-poter. Il-PN ħoloq ukoll niċeċ fl-ekonomija, bħas-servizzi finanzjarji u l-gaming. Dejjem rajt li kellu viżjoni u din ġibditni aktar lejh,” insista Giglio.

B’mod personali, saħaq li jħoss li wasal fejn wasal illum bis-saħħa tal-opportunitajiet li tah il-PN. “Il-PN lili fetaħli l-bibien tal-Università. Il-PL għalaqhomli,” kompla. 

Se jgħin lill-PN jikseb lura l-appoġġ b’saħħtu fid-disa’ u l-għaxar distrett?

Giglio se jikkontesta fuq id-disa’ u l-għaxar distretti elettorali, distretti Nazzjonalisti iżda li fl-aħħar snin il-PN tilef b’mod konsiderevoli l-appoġġ fihom. L-ILLUM tistaqsih għaliex jaħseb li l-PN naqqas il-voti f’dawn il-fortizzi Nazzjonalisti u x’jista’ jagħmel differenti hu.

Beda jispjega kif għażel dawn id-distretti għax huwa marbut intrinsikament magħhom. Giglio twieled u trabba f’Tas-Sliema, meta żżewweġ mar jgħix San Ġiljan u llum jgħix il-Għargħur. 

 “Jiena naħseb li t-tnaqqis li esperjenza l-PN ma kienx tnaqqis biss f’dawn id-distretti, imma kien wieħed nazzjonali. Forsi nħass aktar f’dawn id-distretti għax is-soltu l-għadd tal-voti jkun akbar. Jiena nista’ nagħmel dak li dejjem għamilt. Meta nidħol għal biċċa xogħol, nidħol għaliha b’impenn, b’sagrifiċċju u b’responsabbilità. Se nibqa’ dak li dejjem kont.” 

‘Ironiku li hemm CEOs jitħallsu d-doppju tal-PM’

L-ILLUM kompliet titkellem miegħu dwar il-professjoni legali u staqsietu jekk jaqbilx li l-Membri Parlamentari jkunu full-time, anke għax jekk ikun elett, dan ifisser li jista’ jkollu jħalli l-karriera warajh.

“Dan jista’ jkun parti mill-impenn li trid tagħmel. Dan jista’ jiġri wkoll jekk il-partit tiegħek jitla’ fil-Gvern u l-Prim Ministru jkun iridek parti mill-kabinett,” insista Giglio. “Dawn huma konsiderazzjonijiet li tkun ġa għamilt.”

Kien hawn li Giglio saħaq li huwa xi ftit jew wisq “ironiku” li hemm CEOs, anke ta’ entitajiet pubbliċi, li jitħallsu kważi d-doppju ta’ Prim Ministru.

“Hija ironika li Prim Ministru li għandu responsabbilità ta’ pajjiż sħiħ jitħallas inqas minn persuna li għandha f’idha entità waħda,” kompla Giglio. “Hija realtà li tajjeb nibdew nindirizzawha.”

‘Il-partiti politiċi għandhom ikunu ffinanzjati mill-Istat’

Fid-dawl ta’ dak li żvelat il-gazzetta ILLUM dwar id-Deputat Jason Azzopardi u l-kamra fil-lukanda Hilton ta’ Tel Aviv imħallsa minn Tumas Group, l-ILLUM tistaqsi lil Giglio fejn jaħseb li politiku għandu jaqta’ linja. 

Filwaqt li ma kkumentax dwar dan il-każ għax fakkar li l-organi tal-PN implimentaw proċess biex ikun deċiż x’tip ta’ passi għandhom jittieħdu jew le fil-konfront ta’ Azzopardi, insista li 

t-tweġiba għal din id-domanda hija aktar profonda. L-ewwel u qabel kollox qal li dan jieħdu lura għal dak li qal qabel, jiġifieri dwar jekk id-Deputati għandhomx ikollhom pagi aħjar, iżda anke dwar il-kwistjoni aktar profonda tal-finanzjament tal-partiti.

“Huwa stat ta’ fatt li kemm il-PN u l-PL jiddependu minn terzi biex jiġu ffinanzjati. Iżda huwa stat ta’ fatt ukoll li kull NGO f’pajjiżna tiġi ffinanzjata mill-Istat. Jagħmel sens li l-partiti politiċi li għandhom ir-responsabbilità li joħolqu liġijiet, joħolqu fora u l-istrumenti biex NGOs ikunu jistgħu jgħixu u jesprimu l-ħsibijiet tagħhom, mhumiex iffinanzjati mill-Istat?” insista Giglio.

Kien għalhekk li fisser kif filwaqt li nitkażaw b’politiċi li ħadu donazzjoni mingħand terzi, fil-verità għandna l-partiti politiċi li jiddependu minn donazzjonijiet ta’ terzi persuni. 

Iżda l-ILLUM tistaqsih jekk hux sew li l-Istat jieħu mit-taxxi tan-nies biex jiffinanzja l-partiti. “Nistgħu nsibu l-flus biex nagħmlu dan meta tikkunsidra li qed inħallsu miljuni ta’ ewro Steward u meta nxtrat windfard fil-Montenegro għal tliet darbiet il-prezz veru tagħha. Naħseb konnha nsibuhom il-flus biex niffinanzjaw lill-partiti,” insista Giglio. “Din is-sistema mhijiex trasparenti u hemm bżonn li nibdluha. Jew se jkollna l-kuraġġ li nibdluha jew inkella se nibqgħu nistaqsu dejjem l-istess domanda.” 

Jekk ikun Deputat, bħala Avukat jidħol f’każi kontroversjali?

L-ILLUM staqsietu wkoll jekk jaqbilx li Deputat, li huwa wkoll Avukat, jinvolvi ruħu f’każi kbar jew kontroversjali, jew inkella f’organizzazzjonijiet li bħala Avukat ikun irid jidher għalihom.

Joe Giglio beda jispjega kif filwaqt li l-professjoni legali hija waħda libera u għalhekk huwa f’idejn l-avukat biex jiddeċiedi x’każi jidħol fihom, qal li huwa tal-fehma li meta avukat jidħol fil-politika jrid joqgħod attent li l-każi li jkun qed jagħmel ma jkunux opposti għall-pożizzjoni li jkun ħa l-partit tiegħu.

“Fl-aħħar mill-aħħar, avukat dejjem jiddistakka ruħu minn kwalunkwe każ li jkun qiegħed jagħmel. Ħafna din ma jifhmuhiex. Lili dejjem jistaqsuni kif niddefendi persuni li huma akkużati b’reati kriminali,” saħaq il-kandidat.

L-ILLUM tfakkru li hemm politiċi stess li jakkużaw Deputati li huma avukati bl-istess mod. “Li jkun hemm nies li jgħidulek hekk nifimha. Li jkun hemm politiċi li jgħidulek hekk lanqas nippretendiha. Li persuna tkun irrappreżentata hija waħda mir-regoli tal-Kostituzzjoni tagħna, tas-Saltna tad-Dritt u prinċipju ewlieni tad-dritt li persuna jkolla smigħ xieraq. Politiku għandu jkun jafhom sew dawn il-prinċipji,” insista Giglio.

L-ekonomija: ‘Is-suċċess ekonomiku għandu jitkejjel fuq il-kwalità tal-ħajja’

Tkellimna dwar l-ekonomija. Il-Partit Nazzjonalista għamel kruċjata kontra l-pjan ekonomiku tal-Gvern. Akkuża lill-PL li bena ekonomija u għamel surplus mill-bejgħ taċ-ċittadinanza u ż-żieda fil-popolazzjoni bl-importazzjoni tal-ħaddiema barranin, fost oħrajn. 

L-ILLUM tfakkar lil Giglio kif minkejja din il-kritika, meta l-Covid-19 ġabna darna mal-ħajt, bis-saħħa ta’ dan is-surplus, ġej minn fejn ġej, il-Gvern seta’ jagħti s-suppliment tal-paga, joħroġ il-vouchers u jdaħħal fis-seħħ għadd ta’ miżuri. In-nies x’jimpurtahom minn fejn ġew il-flus la buthom mimli?

Wasal iż-żmien li naqbdu għaxar indikaturi u dawn ikunu l-mezz li bihom inkejlu jekk kelnix suċċess ekonomiku

Ħatafna fil-kelma u insista li wasal iż-żmien li s-suċċess ekonomiku jibda jitkejjel mhux biss fuq is-surplus imma fuq il-kwalità tal-ħajja.

 “Wasal iż-żmien li naqbdu għaxar indikaturi u dawn ikunu l-mezz li bihom inkejlu jekk kelnix suċċess ekonomiku. Wieħed minnhom jista’ jkun il-lonġevità u allura kemm l-anzjani tagħna qed jgħixu u kemm qed jgħixu ħajja diċenti. Fattur ieħor jista’ jkun l-edukazzjoni u nkejlu s-suċċess ekonomiku fuq kemm kellek studenti li komplew jistudjaw wara s-sekondarja. Indikatur ieħor jistgħu jkunu l-pagi meta mqabbla max-xogħol u kemm il-ħaddiem qed ikollu ħin liberu.”

Kien hawn li Giglio saħaq li meta l-PN jikkritika l-pjan ekonomiku tal-Gvern mhux għax huwa kontra li l-ekonomija tikber imma għax jemmen li hemm modi aħjar kif wieħed ikabbar l-ekonomija tal-pajjiż.

“Meta l-PN jitkellem fuq il-kwistjoni tal-bejgħ tal-passaporti, anke l-pożizzjoni tiegħu żviluppat. Illum il-ġurnata, anke jekk għadha qed tiżviluppa, il-PN irid sistema aktar trasparenti li tkun tiddependi aktar fuq il-preżenza tal-persuna f’Malta għax din se ġġib magħha inqas kritika u aktar flus,” kompla jispjega. “Il-PN jemmen li hemm modi aħjar kif tkabbar l-ekonomija u li minn dan igawdi kulħadd.”

Jekk il-PN jirċievi proposta tajba ħafna ma jidħolx fi ftehim qabel l-elezzjoni?

Il-PN ikkritika wkoll lill-Gvern Laburista li qabel l-elezzjoni tal-2013, kellu kollox mifthiem għall-proġett tal- Electogas. Imma jekk illum, il-PN jirċievi offerta mingħand xi ħadd, li għandu f’idu l-pjanijiet, l-istudji u l-mezzi kollha biex jagħmel sistema ta’ trasport tal-massa, ma jkunx lest li jaċċettaha u jagħmilha wiegħda tiegħu?

“L-affarijiet mhux hekk. Jekk xi ħadd jiġi għandek b’idea tajba u ta’ ġid għall-pajjiż, tista’ tagħmilha tiegħek. Imma ma jfissirx li għax l-idea hija ta’ persuna, trid tagħtiha lilu. Wieħed għandu jgħaddi mill-proċess normali fejn kulħadd jingħata l-opportunità. Jekk imbagħad, wara proċess trasparenti, tintagħżel dik il-persuna, ma jkun hemm xejn ħażin. Imma ma tistax taqbad u twiegħed xi ħaġa lil xi ħadd qabel dan il-proċess,” insista.

Saħaq li jista’ jkun li l-PL vera emmen li l-proposta tal-Electogas kienet tajba imma jekk wiegħda lil xi ħadd minn qabel, hemm żbalja bi kbir. “Qed insiru nafu li dan il-proġett kien vettura għal affarijiet xejn sbieħ u nafu fejn wassalna. Meta tgħarbel ftit, iċ-ċittadini ma ħadux l-aqwa ftehim,” kompla jispjega.

Kostruzzjoni: ‘Mhux kemm nibnu imma kif nibnu’

Joe Giglio huwa wkoll l-avukat tal-familja ta’ Miriam Pace, li spiċċat mirduma taħt it-terrapien tad-dar tagħha fit-2 ta’ Marzu li għadda. Miss b’idejh il-ferita ta’ din il-familja li tilfet kollox. “Il-pressjoni daret fuq il-Gvern imma l-Gvern x’jaħti? Għaliex dejjem jeħel hu?,” tistaqsih il-gazzetta.

Beda jfakkar li l-familja dejjem xtaqet li ssir inkjesta pubblika, biex kulħadd jifhem x’wassal għal dan l-inċident, xi ħaġa li l-Gvern ma aċċettax. Insista wkoll li l-Gvern stess ħass li xi mkien naqas għax waqqaf bord biex jirrevedi l-liġijiet li għamel hu stess. Dan ir-rapport baqa’ qatt ma ġie ppubblikat.

Filwaqt li nibqgħu nagħtu l-importanza lil din l-industrija ma nistgħux nippermettu li uliedna jispiċċaw jgħixu f’ġungla tal-konkrit. Il-PN mhux qed jgħid li għandna nkissru din l-industrija

Filwaqt li rrikonoxxa li l-industrija tal-kostruzzjoni hija mutur importanti ħafna tal-ekonomija, saħaq li importanti kemm hi importanti, meta persuna tħares lejn l-ambjent li fih qed tgħix tinduna li dan ma jattirakx.

“Filwaqt li nibqgħu nagħtu l-importanza lil din l-industrija ma nistgħux nippermettu li uliedna jispiċċaw jgħixu f’ġungla tal-konkrit. Il-PN mhux qed jgħid li għandna nkissru din l-industrija. Jeħtieġ imma li nagħtu l-importanza lill-wirt kulturali u soċjali u li nagħtu aktar importanza lill-ispazji miftuħa u lid-dehra tal-binjiet li qed nibnu. Mhux kemm nibnu imma kif nibnu,” insista l-kandidat. 

Ewtanasja, abort u divorzu aktar malajr ... x’jaħseb?

Tkellimna wkoll fuq żewġ kwistjonijiet li jaħarqu: l-ewtanasja u l-abort. X’jaħseb dwarhom Giglio?

Insista li dawn mhumiex kwistjonijiet ta’ sempliċiment “iva” jew “le.” “Importanti li dawn ma tinjorahomx, anzi tindirizzahom u tagħmel dan b’mod olistiku,” saħaq. 

“Jista’ jkun hemm sitwazzjonijiet fejn persuna tant tkun f’uġigħ li tkun trid din l-għażla u għalhekk nikkunsidraw jekk għandux ikun hemm qafas leġislattiv li jindirizza din is-sitwazzjoni. Imma rridu niddiskutuha u nistudjawha u naraw kif se nimplimentawha jekk naslu għaliha,” spjega.

Meta kien mistoqsi minn LovinMalta dwar l-abort, Giglio qal li d-diskussjoni għandha tkun “Pro-Life” u “Pro-Choice.” Imma dan kif jista’ jkun? Il-PN mhux dejjem kien “Pro-Life?”

L-avukat beda jispjega u saħaq li ż-żewġ pożizzjoniijet mhumiex neċessarjament kontra xulxin. 

“Wasalt għal din il-konklużjoni meta qrajt letteratura miż-żewġ naħat ... Min hu Pro-Choice ma jpoġġix l-ewwel l-abort. Jgħidu li l-mara għandu jkollha ħafna aktar għażliet li mhumiex neċessarjament l-abort,” spjega. “Għal Doctors for Choice, l-ewwel għażla li għandu jkollha mara hija li jkollha aċċess għal kontraċettivi u l-Istat għandu l-obbligu li jagħtihom. It-tieni għażla hija wkoll favur l-għażla, fosthom dwar jekk l-Istat għandux jagħmel il-Morning After Pill aktar disponibbli.”

Insista li d-diskussjoni għandha tkun ukoll dwar l-edukazzjoni sesswali, għax fi kliemu dik tal-Gvern Laburista falliet. “Meta se nibdew ngħallmu liż-żgħażagħ dwar l-importanza tal-ġisem tagħhom, tad-dinjità tal-ġisem u l-intimitàtagħhom? Hija realtà li f’pajjiżna hawn żgħażagħ li jieħdu r-ritratti intimi tagħhom u jxerrduhom? Irridu nitkellmu fuq dan ukoll.”

Fi kliemu, jekk id-diskussjoni se tieqaf biss mal-abort, il-pajjiż se jkun qed jirredikola suġġett li huwa serju ħafna. Insista li jixtieq jgħix f’soċjetà fejn l-għażliet tant huma vasti li persuna lanqas tasal ikollha tagħżel tagħmilx abort jew le.

“Ma jfissirx li għax nitkellem hekk jiena kontra l-ħajja. Liema missier, bħali, li mar mal-mara meta kienet tqila u ra dak li kellha fil-ġuf tagħha jista’ jkun favur l-abort,” insista Giglio.

Staqsejnih ukoll dwar id-divorzju u jekk jaqbilx mal-proposta li jonqos il-perjodu, li bħalissa huwa ta’ erba’ snin mis-separazzjoni sakemm persuna tkun tista’ tapplika għad-divorzju. Minnufih wieġeb li jaqbel ma’ din il-proposta.

Lest jaċċetta kariga fil-PN?

Fl-aħħar tal-intervista, l-ILLUM staqsiet lil Giglio jekk jikkunsidrax kariga fil-PN, anke wara l-Elezzjoni Ġenerali. Insista li għall-kuntrarju ta’ dak li jaħsbu xi wħud, hu ma għandu l-ebda aspirazzjoni li jkun Kap tal-PN. “Diġà kienet deċiżjoni kbira biex nagħżel nikkontestax għall-elezzjoni.”

Madanakollu ma eskludix li jkun lest jaċċetta kariga oħra fil-PN jekk jintalab jagħmel dan. 

“Jekk il-partit jitlobni biex inkun f’kariga u nħoss li nista’ ngħin, allura nagħti l-kontribut tiegħi,” temm jgħid.

More in Politika