Azzopardi jinstab ħati li kiser l-etika mill-Kumitat tal-Etika tal-PN li jipproponi ċanfira

Il-Kumitat jgħid li ħadd fil-PN m'għandu qatt jaċċetta rigali li jistgħu jidhru - anke jekk mhux il-każ - li qed joħolqu obbligu

Id-Deputat Jason Azzopardi - fuq l-aħbarijiet fl-aħħar ġimagħtejn wara storja li dehret fuq il-gazzetta ILLUM -  instab li kiser l-etika meta aċċetta rigal fil-forma ta' ħlas ta' akkomodazzjoni fil-lukanda Hilton, f'Tel Aviv.  Il-gazzetta ILLUM żvelat dan nhar is-7 ta' Novembru li għadda meta rrappurtat kif f'Marzu 2017 Azzopardi kien mar l-Iżrael mas-sieħba tiegħu u li għal din il-vaganza kien qagħad f'din il-lukanda għal tliet iljieli, imħallsin minn Ray Fenech ta' Tumas Group.

Yorgen Fenech kien direttur tal-istess kumpanija. 

Azzopardi kien ammetta din l-istorja u qal illi hu ma kienx konxju tal-ħlas minn Tumas Group sakemm mar biex iħallas lir-receptionist tal-lukanda.  Qal ukoll illi meta ġie lura Malta xtara rigal tal-fidda lil l-istess Ray Fenech.

Intant il-Bord tal-Etika tal-Partit Nazzjonalista llejla ppubblika r-rapport dwar dan il-każ - wara li ntalab jagħmel dan mill-Kap tal-PN Bernard Grech -  fl-intier tiegħu.  Dan ir-rapport jispjega kif l-ebda deputat jew persuna li taqa' taħt dan il-kodiċi m'għandha qatt taċċetta rigali li minħabba l-valur jew minħabba ċirkostanzi oħrajn jista' jinftiehem illi qed joħloq obbligu, anke jekk dan ma jkunx il-każ.

Għalhekk dan l-istess bord sab lil Azzopardi ħati ta' ksur tal-etika u talab lill-Kunsill Amministrattiv biex iċanfar lil Azzopardi. 

L-istess Bord jinnota wkoll iżda li minkejja dan il-ksur, dan ir-rigal ma waqqafx lil Azzopardi milli jaqdi dmiru "anke b'riskju personali, kontra l-istituzzjonaliżmu tal-kriminalità, anke meta fil-mira tal-kritika kien hemm persuni mill-istess Tumas Group."

More in Politika